Mill-Ħamis li ġej, tlett elef u mitt student u studenta li jistudjaw f’livell post-sekondarju, se jibdew jgawdu minn sena internet b’xejn.
Dan bħala parti minn wegħda tal-Gvern fil-budget li għadda, li qed tiġi implimentata b’investiment ta’ kważi miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, ġie spjegat li dawn il-vouchers se jitqassmu b’mod elettroniku.
Mill-Ħamis ta’ din il-ġimgħa stess, l-istudenti jistgħu jibdew isarrfu l-vouchers u jużawhom sal-aħħar ta’ Ġunju.
L-istudenti eliġibbli f’din l-iskema huma dawk li jieħdu l-istipendju fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja, indipendenti, fil-Junior College u fl-MCAST, li komplew bl-istudji post-sekondarji tagħhom immedjatament wara l-ħames sena tas-sekondarja, jiġifieri l-Form 5.
Il-konferenza saret fil-preżenza ta’ wħud mill-istudenti li se jgawdu minn din l-iskema, li ma’ dan l-istazzjon spjegaw l-importanza ta’ miżura bħal din biex ħadd ma jaqa’ lura.
Qal, “Hemm iktar bżonn dejjem li dejjem jissaħħaħ l-internet u dejjem inkomplu navvanzaw fl-istudji tagħna u nemmen li għal min ma jaffordjax l-internet hija miżura tajba ħafna għaliex hekk, l-istudent ħa jkun ugwali u kulħadd ħa jkollu l-istess opportunità biex jibqa’ jistudja.”
Student ieħor spjega, “Din ħa ttejjeb ħafna l-pożizzjoni finanzjarja tal-istudent kif ukoll il-kwalità tal-ħajja u l-kwalità tat-tagħlim minħabba li bħalissa hemm ħafna tagħlim online peress li qegħdin f’pandemija u din ħa tkun ta’ importanza kbira biex it-tagħlim tagħna jkun tal-aqwa kwalità possibbli.”