Minn nhar il-Ġimgħa filgħodu vjaġġi għal divertiment minn u lejn Għawdex mhux se jkunu aktar permessi.
Dan wara li f’konfereza tal-aħbarijiet il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar ristrezzjonijiet ġodda għal kull min se jkun qed jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex.
Il-Ministru qal li wara diskussjonijiet fit-tul mal-awtoritajiet involuti, dak li jkun se jkun jista’ jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex għal dawn ir-raġunijiet biss.
“Bħala parti mill-iscreening ser jidħol ukoll fis-seħħ screening għall-iskop jew individwi ser ikunu qegħdin jaqsmu bejn iż-żewġt gżejjer. Dan l-iscreening ser jippermetti biss vjaġġar għal dawn ir-raġunijiet. Għal raġuni ta’ xogħol, għal raġunijiet mediċi, għal żjarat mill-familjari lill-pazjenti rikoverati l-isptar, żjara lill-qraba, ġarr tal-merkanzija jew inkella ritorn fir-residenza ordinarja tal-individwu.”
In-nies se jkunu mistoqsija dwar l-iskop tal-vjaġġ tahħhom huma u jistennew fil-portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa qabel jirkbu l-vapur.
“Dan ifisser li traġitti għal skop ta’ vaganza, divertiment jew xi mawra m’humiex ser ikunu permessi.”
Il-Ministru għal Għawdex qal ukoll kif miżuri bħall-iscreening ta’ kull persuna li tkun trid taqsam il-fliegu għal sintomi relatati mal-coronavirus se jibqgħu fis-seħħ. Temm jgħid li dan kollu qed isir biex titħares saħħet kulħadd u appella għall-koperazzjoni f’dawn il-ġimgħat kruċjali.