Mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jitqassmu l-flus ta’ tmien ewro fix-xahar f’paga lill-ħaddiema. Din hija miżura ewlenija li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar pakkett t’għajnuna biex ikun ta’ spalla għan-negozji u jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha fissru li l-Gvern Malti se jkun fost l-ewwel Gvernijiet fid-dinja li jħallas il-ħaddiema milquta minħabba l-Coronavirus.
Din il-miżura ewlenija se tkun qed tiswa erbgħa u erbgħin miljun ewro fix-xahar.
Ġie spjegat li l-ewwel ħaddiema li se jirċievu l-pagament huma dawk li kien jaħdmu f’post tax-xogħol li kellu jagħlaq b’ordni tal-Gvern minħabba l-pandemija.
“Ħa nkunu fost l-ewwel gvernijiet li naghtu din l-għajnuna u se jibdew jirċievu l-ewwel pagi ghal marzu u april.” Stqarr is-Sur Farrugia.
Is-Sur Farrugia spjega li għand il-Malta Enterprise daħlu tnax-il elf, tmien mija u ħamsa u tmenin applikazzjoni minn kumpaniji għall-miżura tal-paga li l-Gvern jagħti tmien mitt ewro ħlas lill-ħaddiema.
Minn dawn se jibbenefikaw tnejn u sittin elf, seba’ mija sitta u sittin ħaddiem li jfisser li aktar minn sittin elf post tax-xogħol qed jiġi salvat, ħafna minnhom xogħlijiet full-time.
Fost l-applikazzjonijiet li irċeviet il-Malta enterprise hemm disa’ t’elef erba mija erba u sebgħin applikazzjoni mingħand persuni li jaħdmu għal rashom.
U irċeviet elfejn tmien mija sebgħa u sebgħin applikazzjoni mingħand kumpaniji.
Apparti dawn għall-inċentiv tal-leave tal-kwarantina, daħlu elf mija u tnax -il applikazzjoni li jkopru kważi elfejn u erba’ mitt impjegat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise ċċara li mhux se jkun hemm lok għal abbużi.
Farrugia saħaq, “Se naraw li l-wage jgħaddi għand l-impjegat. Se jkun miktub wage supplement u l-impjegat ikun jaf li qed jircievi l-wage supplement.”
Intant il-Malta Enterprise irċeviet mitejn u ħamsin applikazzjoni għall-iskema tat-teleworking li minnhom tletin applikazzjoni ġew approvati din il-ġimgħa. S’issa n-nefqa kienet ta’ madwar erbgħin elf ewro li għandha wkoll tiżdied sostanzjalment f’mijiet ta’ eluf, hekk kif jiżdiedu t-talbiet.
Kurt Farrugia qal li l-Malta Enterprise permezz ta’ numru wieħed, erbgħa, erbgħa u bl-email, għenet ħamsa u tlettin elf persuna f’ temp ta’ tliet ġimgħat.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li gvern se jkompli jgħin aktar negozji biex ma jintilfux impjiegi.
“Il-gvern qed jiddiskuti ma’ kulhadd. F’kull mument opportun li gvern se jħabbar kif ikun hemm bzonn skond il-ħin. Il-gvern se jagħmel dak kollu biex jissalvagwadja l-impjiegi.” Saħaq il-Ministru Schembri.
Il-Malta Enterprise se tkompli tilqa aktar applikazzjonijiet għall-miżuri tal-gvern minn fuq il-website – covid19.maltaenterprise.com.