Mill-ġimgħa d-dieħla kull min għandu aktar minn 65 sena jista’, jekk jixtieq, jieħdu t-tieni doża tal-booster kontra l-Covid-19. Meta ħabbar dan dalgħodu waqt il-programm ‘Paperscan’ fuq One TV, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li dan qed isir biex dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà jkunu protetti.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-istedina għat-tieni booster saret lill-persuni b’immunità baxxa, lir-residenti fid-djar tal-anzjani, u lill-anzjani li għandhom aktar minn 80 sena.
Spjega, “Fil-ġranet li ġejjin, dawk il-persuni li għandhom minn ħamsa u sittin sena ’l fuq, anki jekk għandek iktar minn 80 u għadek ma ħadthiex, se niftħu l-invit li min irid jieħu t-tieni booster, jista’ jeħodha wkoll.”
Chris Fearne spjega l-importanza tat-tilqim għal dawk l-aktar vulnerabbli u l-effettività tad-doża addizzjonali.
Qal, “L-ewwel booster hija tajba ħafna u naqqset ħafna mhux biss li tieħu l-marda – għaliex xorta tista’ teħodha, għalkemm tnaqqas ir-riskji – imma tnaqqas ħafna l-konsegwenza tal-marda. Jiġifieri aħna, minkejja li kellna numri qed jogħlew fil-komunità u issa qed jerġgħu jinżlu, l-ITUs dejjem bqajna ftit pazjenti. Illum għandna tnejn, li jfisser li, anki jekk teħodha, ir-riskju li jkollok mard serju ċkien. Dak ċkien bil-booster. It-tieni booster tkompli tagħtik naqra iżjed.”
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li, minn għada t-Tnejn se jkomplu jonqsu l-miżuri marbuta mal-pandemija.
Fost l-oħrajn, il-maskri mhux se jibqgħu obbligatorji ħlief fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani, fil-kliniċi tal-Gvern, u fuq titjiriet. Chris Fearne spjega li dan ma jfissirx li l-maskri se jkunu pprojbiti, u saħaq li kulħadd għandu jieħu ħsieb is-saħħa tiegħu.
Qal, “Jekk trid tilbes maskra għax forsi se tmur iżżur qraba morda jew anzjani u trid tipproteġihom, jekk inti se tmur fejn hemm ħafna nies u tixtieq tilbes maskra dak il-ħin, mhux talli ħadd mhu sidek, talli sewwa tagħmel għax nafu li l-maskri jipproteġu, mhux kontra l-Covid biss imma għamilna sentejn prattikament, meta konna bil-maskri obbligatorji kullimkien, li ma kellniex influwenza u l-mard respiratorju fost it-tfal naqas ħafna.”
Fuq kollox, Chris Fearne saħaq li t-triq ’il quddiem fil-kuntest tal-pandemija għandha tkun li kulħadd ikun responsabbli tiegħu nnifsu.