Wara li Emmanuel J. Galea, missier il-partner tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, kiteb fil-Malta Independent on Sunday biex jikkritika lill-Kap attwali Bernard Grech dlonk ħarġu jappoġġjawh għadd ta’ partitarji Nazzjonalisti qrib Delia.
Dan minbarra l-istess bint Galea u l-partner ta’ Delia, l-Avukat Cynthia Galea, għamlet share fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha bl-artiklu.
Dan kollu seħħ fl-istess jum meta ġew ippubblikati żewġ surveys li żiedu l-pressjoni fuq il-Kap Nazzjonalista.
Din kienet it-tieni darba fi tliet xhur li Galea ħareġ qatta’ bla ħabel kontra Grech. Proprju ftit wara t-tweġiba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Baġit, Galea kien kiteb li Bernard Grech m’għandu l-ebda viżjoni u lanqas kien jaf jinterpreta sempliċi statistika, waqt li qed iwassal biex il-Partit jitlef il-kredibilità, għax mank kapaċi jippubblika l-kontijiet tiegħu.
Filwaqt li, fl-aħħar artiklu tiegħu, Galea qal li t-tmexxija ta’ Grech ma tispirax, fetaħ ukoll attakk kontra d-Deputat Għawdxi Chris Said, fejn staqsa kif, wara li tant ikkritika t-tmexxija ta’ Adrian Delia, issa mhu jara xejn ħażin fl-inkompetenza u l-amministrazzjoni ħażina ta’ Bernard Grech.
Missier il-partner ta’ Delia akkuża lil Said b’opportuniżmu politiku u double standards u qal li, jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jiffaċċja n-nuqqasijiet tat-tmexxija interna mhux se jimxi ’l quddiem.
Dan għax Bernard Grech, jagħmel diskorsi kemm jagħmel diskorsi, qatt mhu jikkonvinċi.
Sadanittant, fost dawk li kkummentaw fil-pagna ta’ Facebook tal-partner ta’ Delia, kien hemm hu Adrian Delia stess, Anthony, li faħħar lil Emannuel Galea għall-artikli tiegħu. F’botta ċara lejn Bernard Grech, qal li min irid verament jimxi ’l quddiem u jipprepara għal tiġrija, irid l-ewwel ikun umli u jaċċetta li żbalja.
Ħu Adrian Delia qal li żmien fl-Oppożizzjoni hu żmien tad-drawing board biex jitfasslu l-ideat madwar il-ħsibijiet tan-nies. Il-problema, tenna ħu Delia, hi li lanqas biss indunaw li qegħdin fl-Oppożizzjoni, għax kieku l-attitudni hi differenti, qal Anthony Delia, b’referenza ċara għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u l-fergħa estremista tal-establishment.
Ikkummentat ukoll Ivan Bezzina, attivist Nazzjonalista magħruf fil-Kottonera u qrib ħafna tad-Deputat Carm Mifsuid Bonnici u ta’ Adrian Delia. Bezzina qal lil missier il-partner ta’ Delia li ma setax jagħti spjegazzjoni aħjar milli ta u tenna li l-PN kellu, skontu, ljun imexxih x’aktarx b’referenza għal Adrian Delia, imma minflok għażlu nagħġa, b’referenza għal Bernard Grech.
Attivista oħra, ċerta Sandra Darmanin, qalet li tittama li jerġa’ jirritorna Delia bħala Kap Nazzjonalista.
Fost dawk li għamlu like għall-artiklu ta’ Galea, imxerred mis-sieħba ta’ Delia, kien hemm Chris Falzon, li hu impjegat ta’ Roberta Metsola. Falzon hu viċin ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista.
Minkejja tentattivi biex jipprovaw jagħtu l-impressjoni li l-qasma enormi m’għadhiex teżisti, l-artiklu ta’ missier il-partner ta’ Adrian Delia, u r-reazzjoni li dan ġab, reġgħet waqqgħet il-maskri u wriet kemm il-Partit Nazzjonalista hu maqsum f’fazzjonijiet differenti, mhux l-inqas bil-fazzjoni ta’ Bernard Grech immexxija mill-estremisti, bħal Karol Aquilina, Jason Azzopardi u Simon Busuttil, u dik ta’ Adrian Delia.