Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech irtira wegħda kbira fuq l-ambjent wara li ntebaħ li għamel froġa.
Dan kien is-sentiment fil-gazzetti tal-Ħadd fuq il-wegħdiet fierħa ta’ Grech fuq l-ODZ.
Il-wegħdiet ta’ Bernard Grech, li semmihom b’tant pompa fi żmien l-attivitajiet tal-partit għall-Indipendenza qed jaqgħu waħda waħda.
Konferma ta’ dan kienu artikli fuq il-Maltatoday u The Malta Independent.
Fil-fatt il-Maltatoday qalet li l-Kap Nazzjonalista mar lura minn dak li qal, meta beda jaffaċċja kritika min-nies fis-settur hekk kif bil-proposta tiegħu, kull żvilupp, anki wieħed żgħir ta’ bidwi f’għalqa, ried jgħaddi bil-vot taż-żewġ terzi fil-Parlament.
Fil-fatt James Debono kiteb fuq il-Maltatoday, li dak li ried Bernard Grech qajjem tħassib.
Imbagħad fi tweġibiet li l-Partit Nazzjonalista ta lill-gazzetta, Bernard Grech bela’ kliemu u rtira dak li wiegħed.
Anki l-Independent innutat li l-wegħda primarja ta’ Bernard Grech għall-ambjent qajmet tħassib u konfużjoni.
L-Independent qalet li mhux kull applikazzjoni għal żvilupp fuq art verġni tfisser żvilupp ta’ lukanda jew appartamenti fost oħrajn.
L-Independent żiedet tgħid li ħafna mill-applikazzjonijiet għal żvilupp fuq art ODZ tkun relatata mal-biedja jew bini ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Biex b’hekk, bil-proposta ta’ Bernard Grech, il-bdiewa kienu se jispiċċaw iridu jmorru quddiem il-Parlament biex ikollhom il-permessi meħtieġa tal-iżvilupp flok għand l-Awtorità tal-Ippjanar.
Filwaqt li dawn il-gazzetti nnutaw li Bernard Grech daqq diġà l-irtirata fuq wegħda li għamel biss ftit jiem ilu, fuq il-Fosos, f’intervista ma’ ONE News, il-Kap Nazzjonalista kien diġà kkonferma li rtira xi ħaġa li għaxxaqha bil-kbir fuqha.
Mal-ġurnalist Colin Deguara, Bernard Grech waħħal fil-midja, anki jekk il-ġurnalist kwotalu kelma b’kelma kliemu stess.
Ġurnalist: “Inti kont kategoriku u għidt dan il-kliem: “Jinbidel biss u jsir żvilupp biss barra l-iżvilupp b’vot b’żewġ terzi fil-parlament.” Allura bidwi li jrid kamra tal-għodda, bidwi li jrid biċċa ċangatura, trejqa, dan ukoll jrid jitla’ l-parlament?”
Bernard Grech: “Jiena Colin bħala inti ġurnalist u anke avukat ma kontx nistenna li inti anke temmen, vera qiegħed mal-ONE imma mhux temmen in-narrattiva tal-ONE.”
Ġurnalist: “Le dan x’għidt inti.”
Iżda fuq kollox kliemu stess kixfu u kkonferma li ħawwad taħwida nobis.
“Jinbidel biss u jsir żvilupp biss barra l-iżvilupp b’vot b’żewġ terzi fil-Parlament.”