Dan l-aħħar smajna dwar it-tneħħija tal-eżami ta’ nofs is-sena u minflok se jibda l-assessjar kontinwu mill-għalliema. Biex nifhmu aħjar dan kollu, il-gazzetta KullĦadd tkellmet ma’ Dr Frank Fabri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Dan l-aħħar issemma li l-eżami ta’ nofs is-sena se jispiċċa. X’kienet ir-raġuni?
Ir-raġuni hi li rridu ninvestu aktar u nkomplu ngħollu l-valur tat-tagħlim. Aħna mhux sempliċiment se nneħħu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena. Kieku nagħmlu hekk biss, ma nkunux qed nagħmlu tajjeb, iżda se nkunu qed insaħħu forom varji ta’ assessjar matul is-sena kollha. Ma ninsewx li l-eżami hu forma waħda ta’ assessjar, li jsir fi Frar u f’Ġunju. Li se nagħmlu issa se jkun li l-assessment isir matul is-sena kollha. Mela mhux se nistennew sa Frar biex it-tfal u l-ġenituri jirċievu r-riżultat.
F’kull term, l-istudenti u l-ġenituri se jkunu infurmati b’dak li jkunu tgħallmu tabilħaqq. Se ndaħħlu dak li qed insejħu assessjar kontinwu u formattiv. Mela kif tibda s-sena skolastika, l-għalliema, waqt li jgħallmu, ikunu qed jagħmlu l-assessjar lit-tfal il-ħin kollu, matul is-sena kollha. L-assessjar hu parti importanti ħafna mit-tagħlim innifsu.
Allura l-benchmark jispiċċa wkoll?
Il-benchmark tas-Sitt Sena se jibqa’ hemm, għax dak hu eżami annwali u l-eżamijiet annwali ser jinżammu, u għalhekk mhux ser inkunu qed inneħħu l-eżamijiet mis-sistema. Iżda, il-Benchmark Exam se nkomplu ntejbuh. Jiġifieri l-benchmark ta’ din is-sena skolastika se jibqa’ kif inhu, għax it-tfal qed jippreparaw għalih u l-għalliema qed iħejjuhom għall-benchmark kif jafuh, iżda bħalissa qed nagħmlu reviżjoni tal-Benchmark Exam tas-Sitt Sena. Se jkollna numru ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ kif se ntejbuh u naturalment, wara li nevalwaw ir-rakkomandazzjonijiet, il-probabbiltà se tkun li l-benchmark tas-sena skolastika li jmiss, se nkunu qed intejbuh u ngħollulu aktar il-valur u r-rilevanza tiegħu.
U meta tgħidli ‘ntejbuh’ ifisser li l-istudenti jkollhom aktar x’jistudjaw?
Le. Hawnhekk il-kwistjoni mhix biss kemm għandek jew m’għandekx x’tistudja, iżda ta’ x’qed tistudja biex titgħallem. Is-sistema edukattiva tagħna miexja ħafna iktar lejn il-kisba tal-ħiliet bażiċi. Aħna rridu li t-tfal tagħna jitħarrġu ħafna iktar fuq kif jitgħallmu, jaħsbu, janalizzaw, u kif jifhmu xi ħaġa bla ma jaqrawha, billi jantiċipaw. Bl-Ingliż jgħidulha “high order thinking skills.”
Iżda ma tħossx li wliedna huma fi żvantaġġ, meta ħafna drabi jridu jaqraw u jifhmu kollox bl-Ingliż?
Is-suġġetti mhux kollha ngħallmuhom bl-Ingliż. Għandna pereżempju l-lezzjonijiet tar-Reliġjon; tal-Istudji Soċjali; il-Ġeografija, l-Istorja u l-Malti nnifsu.
Iżda ma tħossx li anki bl-istudenti barranin u l-immigranti, b’xi mod il-Malti għad irid jispiċċa mill-iskejjel?
Ma naqbilx miegħek. Naħseb li l-Malti, u hekk se nkunu qegħdin nagħmlu, inkomplu nsaħħuh. Jidher ċar li rridu nagħtu kas din ir-realtà li qed issemmi int; li allura pereżempju naraw kif qed ngħallmu l-Malti lit-tfal barranin u naraw jekk il-Malti li ngħallmu lill-barranin għandux ikun l-istess li ngħallmu lill-istudenti Maltin; il-mod ta’ kif ngħallmuh u nassessjawh. Fil-fatt, bħala Ministeru qed niddiskutu dan u aktar billi niddistingwu bejn il-bżonn ta’ Malti għall-Maltin, u Malti għal min mhux l-ewwel lingwa tiegħu.
Tema oħra interessanti li qed niddiskutu u li eventwalment se nkunu qed niddeċiedu hi s-suġġett tal-matematika, li sal-lum hu assessjat biss bl-Ingliż. Għandna nibqgħu ngħallmuh hekk jew noffru għażla li pereżempju jiġi mgħallem u assessjat bil-Malti wkoll?
Dan hu kollu xogħol li bħalissa qed insajruh. Fil-Ministeru għandna l-kultura li niddiskutu, nikkonsultaw u niddeċiedu, mhux nibqgħu niddiskutu u ma niddeċidux. Għalhekk se mmissu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena u se nsaħħu l-assessjar. Għalhekk ser noffru aktar taħriġ lill-għalliema tagħna. Għalhekk se ntejbu l-Benchmark Exam u għalhekk se nagħmlu bidliet oħrajn.
Ingħatat l-impressjoni li t-tneħħija tal-istess eżami se tirriżulta f’iktar xogħol għall-għalliema, li jkollhom jagħmlu l-assessments huma minflok l-eżami. Kemm hu minnu dan u xi jkun jirrikjedilhom?
Il-parir li nagħti hu li ma ngħaġġlux biex nikkonkludu. L-ewwel nett, aħna se nirrevedu s-sillabi kollha flimkien mal-għalliema stess. L-għalliema ilhom snin twal jilmentaw ġustament li għandhom sillabi b’ħafna kontenut, li lanqas qed ilaħħquh sal-aħħar tas-sena.
Kienu jgħidulna li kellhom tellieqa bla nifs; ma jistgħux jieħdu sick leave, għax ma jlaħħqux is-sillabu sal-aħħar tas-sena. Mela, se nirrevedu s-sillabi u se nnaddfuhom mill-ħafna kontenut żejjed li fihom u ssir enfasi akbar fuq il-ħiliet li s-seklu 21 qed jistenna li wliedna jiksbu.
Se nkunu qed inneħħu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena. F’dak il-perjodu l-għalliema se jkollhom iktar ċans jgħallmu. Mela l-għalliema se jibdew deħlin bil-mod il-mod f’kultura ta’ prattika ġdida, li issa m’hemmx għalfejn jgħaġġlu biex ilaħħqu s-sillabu. Se jkollhom aktar ħin biex jieħdu gost jgħallmu u l-istudenti jieħdu pjaċir jitgħallmu. Ser nagħtu l-ħin lit-tagħlim.
Iżda tħoss li f’pajjiżna, fejn kulħadd jaf lil kulħadd, is-sistema tal-assessment tispiċċa fażulla, għax mhux kemm tifel jew tifla jkunu jafu skola, iżda kemm il-ġenituri jkunu jafu lill-għalliema?
Le, le. Żgur li le, għax billi n-nies ikunu jafu lil xulxin, l-għalliema se jagħmlu analiżi professjonali fuq x’ħila jew ħiliet kiseb it-tifel jew it-tifla, mhux kemm se jidhru sbieħ l-għalliema mal-ġenituri.
Anki fuq kif isir ir-rappurtaġġ fl-assessjar, se ntejbuh. Jiġifieri s-sillabi l-ġodda se jkollhom sistema diġitali marbuta magħhom, fejn l-għalliema ser ikollhom sistema diġitali li tgħinhom jagħmlu l-assessment fuq il-ħiliet li t-tfal ikunu tgħallmu. Hawnhekk ser nissimplifikaw ir-rappurtaġġ waqt li ntejbuh ukoll.
Mela din mhux kif ħasbu l-għalliema?
Hemmhekk se nissimplifikaw. Hemm se jkollna miżura ta’ simplifikazzjoni. L-għalliema jidħlu fuq il-laptop tagħhom, isibu lista lesta ta’ ħiliet marbutin mas-sillabi riveduti, li t-tfal mistennija jitgħallmu f’dik l-età u l-għalliema jimmarkaw kemm laħquhom, u wara, is-sistema tiġġenera rapport hi waqt li tibqa’ żżomm rekord tal-progress tal-istudent minn rapport għal ieħor. Ngħidulha sistema intelliġenti.
Jirriżulta li kull Kap ta’ Dipartiment, speċjalment fl-aritmetika, dara jdaħħal is-sistemi individwali, biex speċi jħalli ‘monumenti’ tiegħu; bħal fil-long division, long multiplication, l-għadd u t-tnaqqis. Ma tarax li dawn l-għażliet kollha, jaslu jtellfu aktar milli jgħinu?
Din ġieli ddiskutejnieha internament. Iżda ejja nerġgħu naqbdu mal-ħtieġa li t-tfal jitgħallmu, jiksbu u jiżviluppaw il-ħiliet. Issa biex tiżviluppa ħila, hu importanti wkoll li titħarreġ b’modi differenti. Kif qed tgħid tajjeb int, qabel, tradizzjonalment, jekk konna ngħallmu l-long division, konna ngħallmuha b’mod wieħed. Tafha jew ma tafhiex. Illum nafu li l-long division it-tfal jistgħu jużaw modi differenti kif jistgħu jaħdmuha.
Għaliex? Għax fil-ħajja, kull problema li niltaqgħu magħha, għandha aktar minn soluzzjoni waħda. Għalhekk lit-tfal irridu nippreparawhom għal soluzzjonijiet differenti. Li għandna bżonn u li anki jien kont nikkritika, mhux il-fatt li noffru metodi u prattiċi differenti, għax dawk tajbin fihom infushom, iżda jekk lit-tfal aħniex nagħtuhom ħin biżżejjed biex jitgħallmuhom. Għax jekk għandna sillabu daqstant voluminuż, li qed nibżgħu li ma nlaħħquhx sal-aħħar tas-sena, m’aħniex nidħlu fil-fond ta’ kull metodu, u dak hu ħażin.
Iżda jekk issa se nirrevedu s-sillabi, nagħmluhom fuq dieta tajba u sana u se jkun hemm aktar ħin għat-tagħlim. Mela issa t-tagħlim jista’ jieħu aktar il-ħin tiegħu biex it-tfal jiksbu dawn il-ħiliet.
It-tagħlim bħat-tisjir. Jista’ jkollok ikel li tħallih itektek u tista’ tmur għall-fast food. Iżda fir-realtà kulħadd jaqbel li l-aħjar tisjir hu dak li jsir bil-mod. U aħna dik is-sistema edukattiva rridu.
Iżda ma taħsibx li ma nkunux qed nissimplifikaw b’dan il-mod?
Ma naħsibx. Aħna dorna numru mdaqqas ta’ sistemi edukattivi, qrajna u rriflettejna u smajna lin-nies li qegħdin fl-iskejjel tagħna. Mhux qed nivvintaw roti ġodda. Naħsbu li dawn huma soluzzjonijiet li se jgħinu ħafna. Naturalment jista’ jkun hemm soluzzjonijiet oħrajn, iżda aħna nqisu li dawn huma prattiċi li se jgħinu ħafna biex it-tagħlim ikun jista’ jsir aħjar u jilħaq lil aktar tfal.
Għandna sitwazzjoni fejn is-sistema mhix qed tippermetti biżżejjed biex it-tagħlim isir.
U hemm xi metodi barranin li qed nimxu fuqhom, pereżempju tal-Ingliżi, tal-Franċiżi, eċċ?
Illum, is-sistemi edukattivi qed jinfluwenzaw ħafna lil xulxin. Qabel kienu aktar ċari, konna ngħidu aħna, naraw is-sistema Ingliża bħala pjuttost stand-alone, u aħna konna aktarx nagħmlu bħalha eżatt. L-importanti llum hu li jkollok overview tajjeb tas-sistemi edukattivi ewlenin, ħaġa li għamilnieha. Importanti wkoll li tkun taf ir-realtà ta’ pajjiżek u tibni sistema għalih. Mhux copy u paste, iżda nibnu sistema edukattiva mgħarrfa Maltija.
Pereżempju taqbel li l-Istorja ta’ Malta għandha tistaġna mal-miġja tal-Ordni u l-Assedju l-Kbir?
Jien m’iniex espert tal-istorja, iżda naħseb li għandek raġun, għalkemm lit-tfal irridu nagħtuhom l-għarfien ta’ x’sawwar lil Malta u lilna bħala ġens ħaj. B’dan ma nifhimx li m’għandhomx ikunu jafu bi ġrajjiet oħrajn li ġraw wara. Imbagħad hemm il-mod ta’ kif issir il-preżentazzjoni u f’liema età ngħallmu lill-istudenti tagħna ġrajjiet simili.
Jissemma wkoll li fil-komponimenti mhux kull żball jiġi mmarkat. Xi tgħid?
Dak hu metodu. Jidher ċar li jekk student ikollu ħafna żbalji, ma tkunx wisq t’għajnuna għalih jekk timlielu l-karta kollha bl-aħmar. Jekk tagħmel hekk, it-tfal aktar jaħsbu li mhumiex kapaċi u li qatt ma jistgħu jitgħallmu. Allura l-għalliema jimxu ‘vjaġġ’ ma’ dawk it-tfal u f’kull komponiment jiffukaw fuq żbalji differenti, waqt li joqogħdu attenti li l-ewwel żbalji t-tfal jitgħallmu minnhom.
Fuq l-għalliema jsir assessjar?
Fuq l-għalliema se jsir aktar taħriġ u jingħata aktar spazju biex ikunu jistgħu jgħallmu. Se jkunu mħarrġa fuq l-assessjar, kif jindirizzaw ċerti problemi fil-klassi u kif jgħinu lit-tfal f’ċerti qagħdiet, u kif jibqgħu jiftħu l-bibien tal-opportunitajiet lit-tfal kollha tagħna.
U dan isir waqt il-ħin tax-xogħol?
Issa bil-ftehim settorali l-ġdid bejn il-Gvern u l-MUT, mhux biss tejjibna s-salarji u l-allowances, iżda poġġejna wkoll enfasi ġdida fuq l-importanza li edukatur jitħarreġ matul is-sena. Allura hemm sa 40 siegħa fis-sena fejn kulħadd irid jitħarreġ, u hemm 360 siegħa li għalliem jista’ jitħarreġ fuq sitt snin u jsarrafhom fi progressjoni iktar mgħaġġla. Jiġifieri b’dan il-ftehim ġdid qed nagħtu enfasi ikbar lit-taħriġ għall-edukaturi.
Issemma wkoll it-tnaqqis fix-xogħol tad-dar.
Se noħorġu dokument għall-konsultazzjoni fuq ix-xogħol tad-dar, li se tkun l-ewwel policy f’Malta fuq hekk. Se nagħtu qafas. Jidher mir-rapporti li għandna li hawn ħafna tfal li qed jgħaddu sigħat twal ħafna jagħmlu x-xogħol tad-dar wara l-ħin tal-iskola. Ir-riċerka turi ċar li l-esaġerazzjoni fix-xogħol tad-dar ma tgħinx fl-iżvilupp soċjali meħtieġ tat-tfal, għax dawn għandhom bżonn jissoċjalizzaw mal-ġenituri u mal-ħbieb u għandhom bżonn ħin għal-logħob ukoll fost l-oħrajn.
Iżda mbagħad għandna realtà oħra fejn numru ta’ ġenituri jridu minn uliedhom żwiemel tat-tiġrija fl-eżamijet, u jaslu jibagħtuhom ukoll il-privat minn etajiet żgħar. Kemm taqbel mal-privat?
Jekk mhux tabilħaqq bżonn għat-tifel jew għat-tifla, u mhux bil-qies, bħal kull esaġerazzjoni.
Iżda minn età żgħira?
Naħseb li f’Malta hawn esaġerazzjonijiet ta’ industrija sħiħa ta’ privat. Din hi ħasra. Aħna qisna rridu ngħallmu kollox lit-tfal mis-sitt Sena; li jiġu l-ewwel f’kollox u dejjem. Qisu t-tagħlim hu marbut biss ma rankings u li mit-tieni ’l isfel ħażin. Dan ma jagħmilx ġid u għalhekk qed naħdmu biex ikollna sistema aktar ġusta li tiffaċilita t-tagħlim u li tilħaq lit-tfal kollha tagħna.
Meta taħseb li se jibda jitwettaq dan it-tibdil?
It-tibdil beda. Ixxurtjati li għandna Ministru tal-Edukazzjoni li hu tekniku fis-settur ukoll. Dan il-fatt jgħinna ferm. Anki l-amministrazzjoni nqisha determinata u li qiegħda tmexxi wkoll, u allura, dak li ilna ngħidu se nwettquh. Għalhekk qed ngħidu li l-eżamijiet se nneħħuhom mis-sena d-dieħla; li s-sillabi l-ġodda se jibdew jiddaħħlu mis-sena d-dieħla, li mis-sena 2019 ser inżidu aktar suġġetti vokazzjonali u ndaħħlu suġġetti applikati ġodda, li mill-2019 sal-2021 ser inkunu qed inġeddu l-eżamijiet tas-SEC. Qed naħdmu aktar b’timelines fejn kull miżura għandna uffiċċjal u direttorat responsabbli minnha, għandna data meta se tidħol, kemm se tkun ta’ benefiċċju u x’se ssarraf fil-verità.
Tħoss li bl-inklużjoni ta’ tfal li ma jistgħux jitgħallmu (u li jkunu bl-LSA) fl-istess klassijiet ta’ tfal li huma kapaċi għat-tagħlim qed noħolqu żbilanċ jekk mhux telf ta’ dak li kapaċi jassorbi moħħ dawn tal-aħħar?
Fl-inklużjoni, ċerti, bħala Ministeru, li s-sitwazzjoni irridu nkomplu nħarsu sew lejha biex tkun waħda aktar tenibbli. Fl-2018 se jittieħdu ħafna deċiżjonijiet fuq l-inklużjoni. Illum l-inklużjoni m’għadhiex tfisser biss tfal bi bżonnijiet speċjali. L-inklużjoni tfisser li int min int u int x’int, tidħol f’sistema edukattiva, li lilek tgħinek tikber u titgħallem. Aħna rridu sistema edukattiva aktar aċċessibbli, ta’ kwalità u ekwa. Irridu sistema aktar inklussiva li minnha t-tfal kollha jkunu jistgħu jimxu l-vjaġġ edukattiv tagħhom b’suċċess.