“Robert minn dejjem kien qrib in-nies, u mill-ewwel daħal f’qalbhom.”
Kliem missier l-14-il Prim Ministru ta’ Malta, George Abela, mumenti wara li ibnu Robert ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Dr George Abela stqarr: “Ir-reazzjoni naturalment hija emozzjonanti ħafna u li tara kemm in-nies laqgħuh mill-ewwel u dik hija ħaġa importanti li daħal fil-qlub tan-nies u naturalment jien m’għandix dubju Robert din mhix se jinsiha għaliex il-kampanja tiegħu kienet il-ħin kollu dejjem hekk, min-nies għan-nies, u jrid jibqa’ qrib in-nies.”
Kull missier huwa kburi b’uliedu iżda għal George Abela dan kien jum speċjali aktar minn oħrajn, meta qalilna li ibnu minn dejjem kien qrib in-nies u hekk se jibqa’ jkun.
Il-President Emeritu żied li l-ħidma t’ibnu żgur se tkun imsejsa fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, għaliex minn dejjem emmen fl-importanza tal-attenzjoni lil dawk l-aktar vulnerabbli. Huwa enfasizza: “Il-prinċipju naturalment jitlaq mill-ġustizzja soċjali, u ma jinsiex in-nies t’isfel, il-foqra, il-batuti, in-nies li huma bil-paga, naturalment irid jgħollilhom il-pagi hu qalha wkoll waħda mill-proposti tiegħu, għaliex importanti aħna ma ninsewx il-ħaddiem, ma ninsewx liż-żgħir.”