“Bħala familja, mill-evidenza kollha li rajna, minn dejjem konna nafu li każ ta’ qtil, iżda ma stajniex nitkellmu minħabba l-proċeduri fil-Qorti.” Hekk qal il-kuġin ta’ Lisa Maria Zahra, Winston J. Zahra, li tilfet ħajjitha traġikament ħames snin ilu.
B’reazzjoni għall-ammissjoni fil-każ ta’ Lisa Maria Zahra, fejn l-għalliem tagħha, Erin Tanti, weħel aktar minn 20 sena ħabs wara li ammetta għall-qtil tagħha, Zahra qal kif ħames snin u tliet xhur wara l-mewt traġika ta’ Lisa Maria, “Erin Tanti fl-aħħar ammetta.”
Hu kiteb kif Tanti kien l-għalliem tagħha, filwaqt li hi kienet studenta tiegħu. Kiteb kif hu kien adult, filwaqt li hi kienet għadha tfajla ta’ 15-il sena. Zahra sostna li hu impossibbli biex wieħed iwettaq dawn it-tip ta’ attroċitajiet.
Kompla billi qal li bħala familja. mill-evidenza li kien hemm, minn dejjem kienu jafu li każ ta’ qtil iżda ma setgħux jitkellmu minħabba l-proċeduri kriminali.
Zahra temm billi qal li “issa li Tanti jinsab maqful f’ċella għal żmien twil, nistgħu nagħlqu dan il-kapitlu u nkomplu naħdmu aktar permezz tal-Fondazzjoni Lisa Maria biex permezz ta’ din il-fondazzjoni nkompli nħarsu lit-tfal, dawk l-aktar vulnerabbli.”