Mill-eta’ tenera ta’ tliet snin, Francesco Tanti, nibtet fih l-imħabba lejn il-mużika- fejn għall-ewwel darba beda jdoqq il-pjanu. Ma’ One News, dan iċ-ċkejken ta’ 11-il sena jirrakkontalna l-ewwel esperjenza tiegħu fid-dinja mużikali:
Ta’ tliet snin ingħatajt synthesizer semplici minghand in-nanniet tiegħi u fil-Kinder 1 l-għalliema tagħna kantatilna lanċa ġejja u oħra sejra u meta mort id-dar staqsejt il-ġenituri biex jixgħeluli s-synthesizer u daqqejt lanċa ġejja u oħra sejra bil-ġiex idejn.
Ta’ 4 snin, Francesco beda jitgħallem il-pjanu kif ukoll it-teorija minn diversi għalliema fosthom Pawlu Borg kif ukoll Sophia Narmanja. Illum il-ġurnata dan il-pjanist wasal sat-tmien grad li huwa l-ogħla livell li wieħed jista’ jilħaq qabel ma jagħmel diploma.
Ma’ One News, Francesco spjegalna li sa ma jasal għal-livell tad-diploma huwa beda jipprattika l-kurunetta mal-Każin tal-Banda ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien:
Jiena t-trumpet minn dejjem kienet togħġobni bħala strument u la issa ġibt il-grade 8 fil-pjanu u fit-teorijia nixtieq inkompli bi strument iehor għaliex il-pjanu naħseb li d-diploma għadni żgħir wisq għaliha, allura t-trumpet huwa l-istrument li nixtieq inkompli fuqu.
It-talenti li huwa mogħni bihom dan it-tfajjel qed joffrulu bosta opportunitajiet fejn ikun jista’ jesponi l-kapaċitajiet li għandu fil-pjanu fejn ġieli qed jagħti wirjiet anke bid-daqq tal-orgni kemm dawk solo kif ukoll ma’ koristi. Francesco spjegalna kif l-impenn li qed jagħti lill-kurunetta qed twaslu sabiex fil-futur qrib jaqta waħda mill-akbar xewat ta’ ħajtu.
Jiena dejjem kont nixtieq li xi darba ndoqq mal-festa u qisha l-ħolma tiegħi saret realta.
Mistoqsi dwar jekk għandux personaġġ li jixtieq li jdoqq miegħu, Francesco esprima x-xewqa li jdoqq mat-tenur Malti ta’ fama dinjija Joseph Calleja:
Jiena naħseb li jekk xi darba jkolli ndoqq ma’ xi ħadd ikun Joseph Calleja għaliex nemmen li huwa l-aqwa tenuri li jeżistu fid-dinja u li ndoqq ma’ xi ħadd ta’ prestiġju daqshekk għoli tkun xi ħaġa mill-aktar affarijiet li nixtieq nagħmel fil-karriera mużikali tiegħi.