Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar iżjed miżuri restrittivi għall-perjodu tal-Għid bil-għan li fil-jiem li ġejjin, in-numru ta’ infezzjonijiet ġodda jibqa’ stabbli.
Mill-Erbgħa li ġej, il-31 ta’ Marzu, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi spazji pubbliċi se jonqos minn erba’ persuni għal żewġ persuni. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.
Dan ifisser li fi spazji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn żewġ persuni għandhom ikunu pprojbiti, inkluż fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom.
Persuni li jiksru din il-miżura se jkunu soġġetti għal multa ta’ €300 kull wieħed.
Minn għada t-Tnejn, 29 ta’ Marzu, se tiġi riveduta l-lista ta’ pajjiżi taż-żona oranġjo biex il-pajjiżi kollha li sa issa huma fiż-żona l-ħadra jiżdiedu ma’ din il-lista.
B’hekk kull vjaġġatur li jasal f’Malta minn kwalunkwe pajjiż ieħor se jkun rikjest jippreżenta test negattiv għall-Covid-19 magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta.
Persuni li jonqsu milli jipproduċu dan it-test jistgħu jkunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta u jistgħu jkunu soġġetti għall-kwarantina.
Vjaġġar minn pajjiżi fiż-żona l-ħamra se jibqa’ projbit għajr għal vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni.
Dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ fuq suġġeriment tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19 waqt il-festi tal-Għid.
Dawn il-miżuri japplikaw sal-11 t’April 2021.
Fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb li fil-ġimgħa tal-Għid il-Kbir u l-jiem ta’ wara, qed jitlob sforz ieħor ta’ solidarjetà u responsabilità.
Qal li waqt li niddefendu bil-miżuri li hemm fis-seħħ u dawk li ġew imħabbra llum, se nkomplu nattakkaw bil-vaċċin.
Appella biex nieħdu ħsieb xulxin biex it-triq tan-normalità nibdewha sew b’konsistenza mal-pjan tal-Gvern.