Min-nhar l-Erbgħa li ġej, erbatax ta’ Lulju, kull min jidħol Malta irid ikun imlaqqam u jkollu ċertifikat tal-vaċċin.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chirs Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci.
Il-Ministru Fearne sostna, “Kull min jiġi ġewwa pajjiżna jrid bilfors ikollu ċertifikat tat-tilqim li huwa rikonoxxut. Jew ċertifikat tat-tilqim Malti, tar-Renju Unit jew ċertifikat mill-Unjoni Ewropea.”
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li test negattiv tal-COVID-19 mhux se jibqa’ jiġi aċċettat ħlief għal tfal ta’ bejn il-ħames snin u t-tnax-il sena li jivvjaġġaw ma’ ġenituri mlaqqma.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega, “Ħa nibqgħu nirrikonoxxu biss il-parti taċ-ċertifikat tal-vaċċin. Il-PCR test u fejqan mill-COVID mhux se jkun permissibbli li bih tiġi pajjiżna.”
Il-Professur Charmaine Gauci spjegat li l-istrateġija li se tidħol fis-seħħ diġà ħalliet il-frott.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet, “Eżempju l-Ingilterra rajna rati għoljin u minn hemm mhux naraw każijiet għax persuni li ġejjin minn hemhekk huma kollha vaċċinati.”
Wara li ġew identifikati numru ta’ clusters minn skejjel tal-Ingliż differenti, il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll restrizzjonijiet f’dan ir-rigward.
Il-Ministru Fearne qal, “Min-nhar l-Erbgħa 14 ta’ Lulju l-iskejjel tal-Ingliż se jerġgħu jagħlqu.”
Il-Ministru kompla jispjega li Maltin jew persuni b’residenza Maltija li m’għandhomx ċertifikat tal-vaċċin ma jistgħux isiefru mingħajr awtorizzazzjoni.
Fearne kompla jgħid, “Le persuna mingħajr ċertifikat ta’ tilqim ma jistax isiefer. Qabel ma kellna dan iċ-ċertifikat ta’ tilqim persuna ma setgħetx issiefer lejn pajjiżi tal-lista l-ħamra wieħed ma setax isiefer għalihom jekk is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma tagħtix l-awtorizazzjoni.”
Dawk li se jaslu minn barra l-pajjiż wara nhar it-Tlieta li ġej se jkollhom bżonn jibagħtu email fuq covid19.vetting@gov.mt biex tinħarġilhom awtorizzazzjoni.
Il-Professur Gauci spjegat, “Jekk ikun hemm persuni li għandhom residenza Maltija u jridu jiġu Malta u mhux vaċċinati kompletament dawn iridu jiktbulna.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega li dawn il-passi ttieħdu biex tiġi protetta saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Ministru Fearne irrimarka, “Qed nieħdu dawn il-passi biex nipproteġu l-komunità Maltija u l-kumplament tal-miżuri li għandna fis-seħħ.”