Il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) jilqa’ l-miżuri mressqa mill-Gvern fil-preżentazzjoni tal-baġit għas-sena 2020 u jinnota li dawn jixhdu pjan ċar ta’ Gvern b’viżjoni biex Malta tibqa’ miexja ‘l quddiem. Fuq kollox dan hu baġit li jaħseb fil-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni daqskemm f’dawk tal-lum.
L-FŻL jilqa’ b’mod speċjali r-rieda tal-Gvern biex jiġġieled bil-provi t-tibdil fil-klima u jsaħħaħ l-ambjent ta’ madwarna. L-iskemi għal min jixtri vetturi elettriċi, projbizzjoni tas-single use plastics, u inċentivi lin-negozji għal green corners kif ukoll l-introduzzjoni ta’ beverage container recycling scheme u water fountains fl-iskejjel huma biss uħud minn pakkett ta’ miżuri ambjentali sostanzjali u ambizzjużi. Dan apparti proġetti infrastrutturali li se jtejjbu l-ambjent u l-kwalità tal-arja.
L-FŻL jinnota l-iskemi biex iktar żgħażagħ isiru sidien ta’ djarhom fosthom it-tisħiħ tal-iskema popolari tal-first-time buyers, iżda wkoll skemi ġodda. Fosthom dik li se tkun qed tgħin persuni taħt l-40 sena b’self tad-depożitu ta’ 10% fuq ix-xiri tal-ewwel proprjetà u l-Gvern jagħmel tajjeb għall-imgħax kollu fuq dak is-self. Din hi miżura meħtieġa minn kategorija partikolari ta’ żgħażagħ li għandha tkompli tinċentiva l-Maltin jinvestu f’darhom.
L-FŻL jilqa’ miżuri biex ikomplu jpoġġu lil Malta fuq quddiem fl-innovazzjoni, bl-amalgamazzjoni tal-blockchain mas-settur edukattiv, boroż ta’ studji fl-Intelliġenza Artifiċjali u t-twaqqif ta’ AI Innovation Hub. Apparti minn hekk, l-edukazzjoni se tkompli tissaħħaħ b’investiment fi skejjel ġodda, fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta u skejjel oħrajn. Biex tissaħħaħ il-lingwa Maltija, se jkun hemm investiment għal ċekkjatur bil-Malti onlajn.
Bis-suċċess ekonomiku li pajjiżna qiegħed jikseb, il-Gvern sab bilanċ bejn tiġdid ta’ miżuri ppreżentati f’baġits preċedenti u jsaħħaħhom, bħal pereżempju ż-żieda fl-istipendji, l-iskema għall-first time buyers, u t-trasport b’xejn għaż-żgħażagħ u studenti u miżuri ġodda.
Dawn il-miżuri, fost oħrajn, ifissru stabilità, kontinwità u pjan ċar li jagħti serħan il-moħħ lill-familji u n-negozji li f’Malta se nkomplu nikbru flimkien.