Ftit iktar minn ħames xhur ilu Lorenzo u Cheryl kienu qed jippjanaw li jivjaġġaw lejn New York għal dak li sejjħu bħala ‘babymoon’. Iżda, t-terroristi riedu mod ieħor.
Fit-22 ta’ Marzu sar attakk fl-ajruport ta’ Brussell u huma nqabdu hemm, viċin il-mewt. Lorenzo kien il-Malti li weġġa’ u għalkemm inkwieta fuq saħħtu, l-ikbar tħassib kien fuq tarbija li kienet qed tistenna li tiġi fid-dinja. Illum, fi Brussell, twieled tifel bl-isem ta’ Elija u għall-ġenituri tiegħu l-ferħ kien doppju.
“Meta rajna wiċċu ma stajniex nemmnu u d-dmugħ ta’ ferh kienu jfissru d-doppju għalina. Vera li kienet tqala pjuttost faċli, mingħajr ebda sorpriża jew kumplikazzjoni fejn tidħol is-saħħa kemm tal-mara u kemm tat-tarbija, iżda l-avvenimenti tat-22 ta’ Marzu ħallew effett fuqna t-tnejn,” qalilna Lorenzo.
“Dakinhar, minflok tirna lejn New York għall-‘babymoon’ tagħna, spiċċajna l-isptar minħabba l-attakki terroristiċi. Filwaqt li jiena sofrejt ksur f’dari, Cheryl, li kienet waslet fl-20 ġimgħa tat-tqala, iddaħħlet b’urġenza l-isptar għaliex kienu bdewla l-contractions minħabba l-isplużjoni u l-istress relatat. Kif ukoll minħabba li kienet rat xi demm,” qal Lorenzo.
Jgħid li t-tobba fl-isptar militari, kif ukoll f’dak t’Aalst, kienu t’għajnuna kbira u Cheryl irnexxiela tirkupra saħħitha u saħħet it-tarbija. “Bit-twelid t’Elija llum imxejna minn kapitlu fejn konna f’ħalq il-mewt għal ieħor ta’ ħajja ġdida,” qalilna Lorenzo li xtaq jirringrazzja lill-bosta, partikolarment qraba u ħbieb għall-appoġġ f’dawn ix-xhur wara li għal naqra ma spiċċawx vittmi tal-ħruxija tat-terroristi.