Fl-2022, il-Malta Community Chest Fund Foundation irċeviet 814-il donazzjoni ta’ xagħar, waqt li sa Ġunju ta’ din is-sena ngħataw aktar minn 340 donazzjoni.
Is-sena li għaddiet, 80 pazjent ibbenefikaw minn dan is-servizz, filwaqt li mill-bidu ta’ din is-sena ’l hawn diġà tqassmu 74 parrokka.
Dan ħareġ waqt żjara li l-President tar-Repubblika George Vella u s-Sinjura tiegħu għamlu fl-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Matul iż-żjara, fejn kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u ċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Community Chest Fund, John Huber, il-President u s-Sinjura Vella ngħataw informazzjoni dwar is-servizz tal-għoti ta’ parrokki magħmulin minn xagħar naturali.
Il-President irrimarka li dan hu servizz ieħor li jtaffi xi ftit mit-tbatija li jgħaddu minnha persuni li jitilfu xagħarhom minħabba l-kura li jkunu qed jieħdu għall-kanċer u kundizzjonijiet mediċi oħrajn.
“Din hi parti mill-kura, għax meta bniedem qiegħed jgħaddi minn ċertu mard u jrid jieħu ċertu trattament tal-onkoloġija, ħafna drabi, il-fatt li jitlef xagħru, hi psikoloġikament iebsa. U meta qed nagħtu dan is-servizz, qegħdin nagħmlu dan is-servizz, qisek qed tagħti kura ta’ xi ħaġ’oħra.”
Il-President George Vella
L-għoti ta’ parrokki lill-pazjenti tal-kanċer beda jingħata mill-MCCF f’Novembru tal-2015. Kull min għandu xagħru b’saħħtu, mhux iqsar minn 30 ċentimetru u mhux ibbliċjat jista’ jagħti x-xagħar b’donazzjoni għall-parrokki.
Ix-xagħar, imbagħad, jitnaddaf, jitqassam skont il-kulur, it-tip u t-tul minn parrukkier professjonali li hu espert fil-parrokki u jintbagħat barra minn Malta. Il-proċess jieħu bejn tnax u ħmistax-il ġimgħa.
Ix-xagħar għandu jinqata’ xott u jintbagħat imgeżwer f’sarvetta tal-karti jew borża tal-karti bil-posta lill-MCCF, flimkien mal-isem u l-indirizz tad-donatur.