Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, mas-60 xufier ġew imħarrka wara li nqabdu jsuqu b’veloċità eċċessiva.
Dan intqal fi stqarrija mill-Pulizija, fejn intqal li saru aktar minn 30 road-check f’lokalitajiet differenti, fejn twaqqfu madwar 800 vettura u hawnhekk inħarġu numru ta’ taħrikiet.
Intqal li mill-bidu tas-sena sal-lum saru mal-500 road-check u li fihom twaqqfu eluf ta’ vetturi u nħarġu taħrikiet relatati ma’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku. B’dawn huma relatati ma’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u użu tal-mobile, fost oħrajn.
F’dan l-istess perjodu, il-Pulizija ħarġet ukoll aktar minn 750 taħrika b’rabta ma’ sewqan eċċessiv.
Ewlenin fosthom Triq Tul il-Kosta, Dawret San Pawl il-Baħar u Triq Garibaldi l-Marsa, fejn diversi sewwieqa nqabdu jsuqu b’veloċità ta’ bejn il-113 u l-150 km/h f’żoni fejn il-massimu huwa ta’ 60, 70 jew 80 km/h.
L-appell tal-Pulizija jibqa’ biex is-sewwieqa josservaw ir-regoli tat-traffiku b’rispett lejn ħajjithom u ħajjet nies oħra fit-triq.