Il-ħidma sabiex jinqabad min jarmi l-iskart illegali, fosthom dak ta’ skart tal-kostruzzjoni kompliet għaddejja, anke matul din is-sena.
Dan hekk kif mill-bidu ta’ din is-sena sa issa, tnax-il persuna ġew immultati talli rmew skart illegali tal-kostruzzjoni.
Filwaqt li erba’ persuni tressqu l-Qorti sabiex jaffaċċjaw akkużi dwar dan ir-reat.
Dan ħareġ minn ċifri li għandu f’idejh ONE News u li kiseb mingħand il-Korp tal-Pulizija.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn meta xi ħadd jarmi ta’ skart illegali ta’ ġebel u terrapien, wieħed jista’ jeħel multi kbar.
Dawn il-multi jlaħħqu l-ħamsin elf ewro (€50,000).
Fost dan l-iskart illegali hemm dak ta’ terrapien u ġebel goff, li ġeneralment jintrema f’xi passaġġ rurali.
Ta’ min jgħid ukoll wkoll li hemm multi wkoll fuq skart illegali tal-borża s-sewda u l-iskart li narmu ta’ kuljum.
Dawn il-multi jlaħħqu l-massimu ta’ tletin elf ewro.
L-appell jibqa’ sabiex kull min ikollu skart tal-kostruzzjoni jarmih fil-post adegwat, milli jarmih f’xi raba’ għaliex b’hekk inżommu pajjiżna nadif.