Minn l-ewwel ta’ Ġunju li ġej mistenni jibda jopera is-servizz tal-Fast Ferry mill-Belt sal-Imġarr Għawdex fejn wieħed ħa jkun jista’ jasal minn post għal ieħor f’inqas minn tliet kwarti.
Bħala parti minn dan il-proġett, b’investiment ta’ ħames miljun ewro se jkunu qed isiru mollijiet fejn l-operaturi se jkunu jistgħu jsorġu l-opri tal-baħar.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri fejn fakkru li din kienet wegħda elettorali favur titjib tal-konnettività bejn Malta u Għawdex.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal ukoll li dawk kollha li jixtiequ jaħdmu dan is-servizz ħa jkunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ebda xkiel sakemm li jilħqu l-kriterji tal-port maħruġa mit-Transport Malta.
Huwa qal, “Se ninvestu fl-infrastruttura imma se nilliberalizzaw is-suq u din ir-rotta partikolari ħalli niżguraw li min jixtieq jagħti s-servizz jagħtih. M’hemmx esklussivitajiet, m’hemm l-ebda preferenza, hemm trasparenza assoluta u fl-istess ħin igawdi l-Għawdxi u l-Malti li ħa jivvjaġġa b’servizz ieħor issa għad-dispożizzjoni tiegħu.”
Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta, Joseph Bugeja spjega x’inhuma l-kriterji tal-port.
Bugeja sostna: “Il-ħin li fih irid isir it-traġitt u l-kapaċità tal-ġarr tal-passiġġieri. Identifikajna wkoll fejn huma il-landing u l-loading places, l-embarcation places kemm l-Imġarr u kemm il-Belt u indikazzjoni ta’ meta jista’ jibda s-servizz. Jiġifieri l-Awtorità qiegħda tkun strumentali biex tiffaċilita lil min jixtieq jopera f’dawn il-kundizzjonijiet jista’ japplika u jopera f’dan is-servizz.”
Issemma wkoll kif l-Gvern u l-Ministeru għat-Trasport qed jaħdmu sabiex ikun hemm sejħa pubblika u internazzjonali għas-servizz bejn il-gżejjer li jinkludi l-ġarr tal-vetturi.
Barra minn hekk il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar ukoll li dawk l-Għawdxin kollha li se jkunu qegħdin jagħmlu użu mis-servizz tal-Fast-Ferry ħa jkunu jistgħu jagħmlu dan bla ħlas kif ukoll malli jaslu l-Belt ħa jkunu jistgħu jużaw il-Lift li jwasslek għall-Barrakka ta’ Fuq bla ħlas.
Huwa stqarr: “Dan se jwassal għal aktar kumdità fl-aħħar mill-aħħar għal dawk kollha li jużaw dan is-servizz però aktar minn hekk ukoll għal dawk l-Għawdxin li jaqsmu ta’ kuljum għal diversi raġunijiet fosthom ta’ studju, ta’ xogħol jew ta’ saħħa u se jkunu jistgħu jaslu minn post għal ieħor f’inqas minn ħamsa u erbgħin minuta.”