Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Pulizija u d-Dipartiment tas-Saħħa wettqu aktar minn sitt elef spezzjoni f’ristoranti, stabbilimenti u postijiet ta’ akkomodazzjoni madwar Malta u Għawdex. Tlett elef minnhom saru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, waqt iż-żmien tal-Karnival.
Fi stqarrija l-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar li fi tmiem il-ġimgħa tal-Karnival f’Għawdex ħadd ma nqabad jikser ir-restrizzjonijiet li ġew introdotti għax-xahar ta’ Frar.
Fl-aħħar erbat ijiem fil-gżira tat-tliet għoljiet ġew spezzjonati tmien mija u żewġ postijiet t’akkommodazzjoni minn elf mitejn u ħamsa u ħamsin li huma liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jiġifieri ġew spezzjonati ħamsa u sittin fil-mija tal-postijiet t’akkomodazzjoni liċenzjati f’Għawdex. Fl-istess waqt saru erba’ mija u ħamsa u sebgħin spezzjoni f’ristoranti u stabbilimenti.
Min-naħa l-oħra f’Malta, bejn il-ħdax u l-erbatax ta’ Frar saru elf tmien mija u ħamsa u tmenin spezzjoni li tnejn minnhom inqabdu miftuħin wara l-perjodu stabbilit mil-liġi, filwaqt li stabbiliment minnhom ġie investigat mill-Pulizija.
Franco Buhagiar, mill-Awtorità għat-Turiżmu saħaq kif kull spezzjoni, partikolarment fl-akkomodazzjonijiet ġiet irispettata l-privatezza tan-nies.
“Wieħed irid jara t-tip ta’ spezzjonijiet li qed jiġu spezzjonati u jrid jintlaħaq bilanċ bejn il-privatezza tal-persuni kif ukoll dak li jiġi stipulat fil-liġi. Naturalment dejjem irid jintlaħaq il-bilanċ li l-ispetturi tal-awtorità jevalwaw is-sitwazzjoni individwali.”
Intant, dan kollu jikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern Malti sabiex f’pajjiżna tiġi kkontrollata b’suċċess l-imxija tal-COVID-19, anke sabiex fix-xhur li ġejjin nibdew ngħixu n-normalità sħiħa.
Fost dawn ir-restrizzjonijiet kien hemm li r-ristoranti jridu jingħalqu sal-ħdax ta’ bil-lejl u ma jiftħux qabel is-sitta ta’ filgħodu u anke li mhux permess li jkun hemm nies f’lukandi u residenzi aktar milli hemm sodod fil-post.