- Waħda mill-akbar skoperti ta’ taħt il-baħar fl-aħħar snin’ isservi ta’ vettrina tal-wirt arkeoloġiku marittimu ta’ Malta fil-qalba tal-Ewropa
Fdalijiet ta’ żmien il-Feniċi li nstabu minn nawfraġju li seħħ qrib Għawdex jinsabu fiċ-ċentru tal-Parlament Ewropew grazzi għal wirja ko-organizzata mill-MEP Miriam Dalli, Heritage Malta u l-Università ta’ Malta bħala parti mill-programm kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
In-nawfraġju, li jmur lura għas-sena 700 Qabel Kristu, kien skopert qrib Għawdex fl-2007. Deskritt bħala ‘waħda mill-akbar skoperti ta’ taħt il-baħar fl-aħħar snin’, kien suġġett ta’ madwar għaxar snin riċerka għal delegazzjoni internazzjonali biex jistudjaw fatti interessanti dwar ix-xini, it-tagħbija li kien qed iġorr u anke r-rotot tiegħu grazzi għal teknoloġija avvanzata.
Il-wirja tinkorpora kemm metodi konvenzjonali kif ukoll teknoloġija moderna biex tesebixxi r-riċerka ta’ bosta snin mingħajr ma tħalli xejn barra.
“Il-wirt kulturali li nsibu taħt il-baħar madwar l-arċipelagu Malti hu wieħed inkredibbli. Il-gżejjer Maltin kienu xhieda ta’ attività umana għal għexieren ta’ eluf ta’ snin. It-tfittxijiet arkeoloġiċi li saru għal deċennji jikkonfermaw dan u jkomplu jkabbru l-għarfien tagħna tal-istorja.
Hu rikonoxxut il-fatt li l-gżejjer Maltin huma mimlija ħaġar prezzjuż li juru l-istorja rikka u mqallba tagħhom. Madankollu hu verament rari li l-pubbliku jiġi espost għall-wirt marittimu li nstab f’qiegħ il-baħar madwar il-kosta Maltija,” qalet Miriam Dalli.
Min naħa tiegħu, l-arkeologu marittimu Dr Timmy Gambin qal li din kienet opportunità mill-aqwa li l-Parlament Ewropew ikun il-vettrina tar-riċerka xjentifika li saret.
“Dawn l-għaxar snin ġabu flimkien numru ta’ xjentisti mill-aqwa minn diversi Stati Membri fosthom l-Italja, Franza u l-Ġermanja, u għalhekk kien xieraq li din l-esebizzjoni tittella fil-Parlament Ewropew. Il-futur ta’ dawn is-siti qed jiġu pjanati għal 2017 u snin oħra, bl-Università ta’ Malta tapplika għal fondi sostanzjali tal-Unjoni Ewropea biex tkompli bil-ħidma tagħha,” ssokta jgħid Dr Gambin.
Il-MPE Dalli rringrazzjat lill-arkeologu marittimu Dr Timmy Gambin u Pierre Bonello li huma l-kuraturi ta’ din l-esebizzjoni, lil Heritage Malta u l-Università ta’ Malta li għenu fl-organizzazzjoni, lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017, u lill-akkademiċi, tekniċi u voluntiera kollha li kkontribwew għal dan il-proġett matul is-snin.
L-esebizzjoni ġiet inawgurata uffiċjalment mill-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella, l-Ambaxxatur Malti għall-Belġju Ray Azzopardi, u r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, Marlene Bonnici.