Jekk għandek għal qalbek l-istorja ta’ pajjiżna u kont titla’ t-telgħa tas-Saqqajja b’għafsa ta’ qalb għax tara wirt storiku qed jaqa’ biċċiet, nissuġġerixxulek tgħaddi f’dawn il-jiem issa li l-Casino Notabile reġa’ ngħata dehra mill-isbaħ.
Waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, wieħed seta’ jinnota li x-xogħol jinsab avvanzat tant li fadal biss ħmistax –il jum biex jibda jitgawda. Ir-restawr sar pjuttost differenti mis-soltu u dan għax il-Casino huwa mibni fuq it-tafal.
Il-Perit Chanelle Busuttil spjegat kif kien għalhekk li x-xogħol sar fuq żewġ livelli, ir-restawr u l-konsolidazzjoni.
Aktar ma kompla x-xogħol aktar bdew ħerġin elementi interessanti, fost oħrajn l-ornamenti ddisinjati fuq il-ġebla.
Dan kollu sar b’investiment ta’ mitejn u ħamsin ewro mill-Gvern Ċentrali, wara li l-appelli tal-Kunsill Lokali tal-Imdina ma waqgħux fuq widnejn torox. Stefan Buontempo stqarr li kien għalhekk li l-intervent tal-Gvern Centrali kien essenzjali biex ħolma tal-Kunsill Lokali sseħħ filwaqt li Casino Notabile jkun ta’ kontribut ekonomiku għall-komunità. Għax jekk qabel kien il-post tal-aristokratiċi, issa se jkun aċċessibli għal kulħadd.