Mill-aħħar ta’ din il-ġimgħa, il-forzi tal-ordni se jkunu jistgħu jirreġistraw sabiex jitlaqqmu bid-doża addizzjonali kontra l-Covid-19.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ma’ ONE News, l-Erbgħa waranofsinhar.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif dawn il-forzi tal-ordni, jinkludu l-Pulizija, membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u uffiċjali tal-LESA.
Chris Fearne qal kif id-doża addizzjonali bħalissa hija miftuħa għall-forzi tal-ordni li għandhom inqas minn 50 sena.
Dan hekk kif s’issa, din id-doża addizzjonali qed tingħata lil dawk li għandhom iżjed minn 50 sena.
Qal kif sal-lum ħadu l-booster aktar minn 125,000 persuna.
Chris Fearne spjega wkoll li hu maħsub li d-doża addizzjonali se tibda tingħata lil dawk li għandhom taħt il-50 sena, mill-bidu tas-sena d-dieħla.