Gvern Laburista taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat wassal biex pajjiżna minn sitwazzjoni ta’ defiċit minn sena wara oħra fi żmien Gvern Nazzjonalista, illum pajjiżna qiegħed jirreġistra surplus fil-finanzi pubbliċi tiegħu minn sena għal oħra.
L-ewwel deċiżjoni iebsa li ħa l-Gvern imexxi minn Muscat fl-2013 sarrfet biex mill-akbar żbilanċ fl-istorja ta’ pajjiżna għal surplus ta’ €48 miljun, jiġifieri titjib ta’ kważi €400 miljun f’6 snin.
Id-deċiżjoni kienet bejn it-twettiq tal-manifest elettorali li l-poplu Malti kien ta b’saħħa lill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat jew miżuri ta’ awsterità. L-eħfef triq kienet tfisser piżijiet u sikkar taċ-ċintorin fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Iżda, Joseph Muscat għal kuntrarju li kien isir f’amministrazzjonijiet preċedenti, naqqas it-taxxi u żied in-nefqa soċjali u l-investiment pubbliku.
Fil-fatt il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna llum huma ttrasformati kompletament; minn wieħed mill-agħar defiċits għal pajjiż bit-tielet l-ogħla surplus fost il-pajjiżi Ewropej. Tant li l-esperti Ewropej huma pożittivi dwar il-finanzi ta’ pajjiżna u juru li l-finanzi se jibgħu jirreġistraw surplus fis-snin li ġejjin.
Il-fiduċja tagħhom f’pajjiżna bdiet meta fl-ewwel leġiżlatura ta’ Joseph Muscat, id-dejn akkumulat mit-tliet amministrazzjonijiet li servew qabel l-2013, ġie eliminat kollu.
Il-Gvern ta’ Muscat se jibqa’ mfakkar ukoll għaż-żieda fin-nefqa kapitali u permezz ta’ investiment qawwi: fl-infrastruttura, edukazzjoni u saħħa.
Matul din is-sena, in-nefqa kapitali tal-Gvern se tlaħħaq il-€583 miljun żieda ta’ €350 miljun mill-2012.
Iż-żieda fl-ispiża se tfisser żieda fil-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna filwaqt li jpoġġi sisien sodi għal tkabbir ekonomiku għall-ġejjieni. Dan ukoll wassal biex l-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu mhux biss bdew jagħtu ratings pożittivi lill-pajjiżna, imma huma fiduċjużi li l-finanzi ta’ pajjiżna se jibqgħu fis-sod.
Intant il-Ġimgħa li ġej, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat se jindirizza lill-Maltin u l-Għawdxin għall-aħħar darba fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin f’attività li mistenni jattendu għaliha eluf ta’ Maltin u Għawdxin.