Mindu twaqqaf l-uffiċċju ta’ Identità fl-Isptar Mater Dei fl-2018, ġew irreġistrati kważi 35,000 notifika ta’ twelid u mewt. Jirriżulta li s-servizz tant kien konvenjenti li dawn il-35,000 notifika kienu jammontaw għal aktar minn 70% tan-notifiki kollha simili li ddaħħlu fir-Reġistru Pubbliku nazzjonali fl-istess perjodu.
Is-sitt sena mill-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju ġie mfakkar mill-aġenzija Identità, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u l-Kap Eżekuttiv tal-istess entità, Steve Agius.
Din iż-żieda ta’ reġistrazzjonijiet fost is-servizzi offruti mill-Isptar nazzjonali tirrifletti l-għan aħħari tal-aġenzija li tassigura li l-klijenti jkunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed biex kull servizz ikun effiċjenti u effettiv.
Il-Ministru għall-Intern stqarr li d-deċiżjoni, biex Identità tibda toffri s-servizzi tagħha f’Mater Dei, wasslet biex in-nies jibdew jirċievu servizz aħjar taħt saqaf wieħed.
“L-impenn tagħna hu li nkomplu nibnu fuq dan is-servizz biex naraw li n-nies jirċievu l-aħjar servizz u anke fl-aktar postijiet li huma komdi għalihom.”
Il-Ministru għas-Saħħa tenna l-importanza tal-aġenzija Identità fl-Isptar Mater Dei, fejn qed jiġi offrut servizz kontinwu u ferm importanti liċ-ċittadini.
“Minn dan l-uffiċċju żgħir fil-qalba tal-Isptar Mater Dei, l-aġenzija Identità toffri servizz kontinwu liċ-ċittadini tagħna. Reġistrazzjonijiet tat-twelid, reġistrazzjonijiet ta’ mwiet u aħna lesti li nesploraw espansjoni ta’ aktar servizzi.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Steve Agius, spjega kif, wara taħriġ speċjalizzat li ngħata lill-ħaddiema, in-notifika tal-mewt issa qed issir ukoll fi sptarijiet residenzjali, bħal San Vinċenz de Paul.
Hu fakkar ukoll fir-rwol importanti li jaqdi dan l-uffiċċju f’każ ta’ intervent ta’ emerġenza fuq tarbija, li tkun għadha kif twieldet, u tkun teħtieġ kura medika urġenti barra minn pajjiżna.