Mill-2013 ’l hawn żdiedu mal-wieħed u sebgħin kilometru ta’ infrastruttura għaċ-ċikliżmu u l-mixi.
Il-gazzetta KullĦadd analizzat informazzjoni mogħtija lilha mill-aġenzija Infrastructure Malta.
Iż-żieda f’din it-tip ta’ infrastruttura hija waħda sinifikanti, hekk kif qabel l-elfejn u tlettax, f’pajjiżna kien hawn biss disa’ kilometri ta’ żoni għaċ-ċikliżmu u l-mixi.
Apparti minn hekk fl-aħħar ħames snin, minn meta twaqqfet l-aġenzija Infrastructure Malta saru mat-tmienja u erbgħin kilomteru minn din l-infrastruttura li tħeġġeġ u tippromwovi mobiltà attiva.
Meta wieħed iqabbel dawn iċ-ċifri jinnota kif fl-aħħar għaxar snin, din it-tip ta’ infrastruttura żdiedet b’seba’ darbiet.
Fi proġetti maġġuri li minnhom tlestew ukoll fl-aħħar ġimgħat, l-infrastruttura għall-użu tar-roti u l-mixi ngħatat aktar prominenza. Dawn jinkludu fost l-oħrajn il-proġetti tal-Kirkop Tunnels & Airport Intersection Project u, ftit ’il bogħod, il-Luqa Junction Project. B’mod kollettiv, dawn jgħoddu għal erba’ kilometri ta’ infrastruttura ta’ dan it-tip, li biha l-proġetti mhux jiffukaw esklussivament fuq l-aċċessibiltà bil-vetturi.
Din ix-xejra pożittiva għal dawk li jagħmlu użu minn din l-infrastruttura mistennija tkompli tintensifika b’mod aċċellerat hekk kif aktar kmieni din is-sena tħabbar proġett b’investiment ta’ ħamsa u tletin miljun ewro ffukati fl-intier tagħhom biex din l-infrastruttura tiżded fil-ħames snin li ġejjin.
Dan l-investiment se jara li min jagħmel użu mir-rota jew jiddeċiedi li jivvjaġġa bil-pass, jagħmel dan b’mod sigur u jkollu konnessjonijiet effiċjenti b’mod partikolari f’żoni meqjusa bħala traffikużi. B’hekk jissaħħaħ l-aċċess għal dawn il-metodi nodfa ta’ trasport biex wieħed iżur u jqatta’ ħin ta’ kwalità fi spazji ħodor.
B’mod tanġibbli l-proġett imħabbar se jkun qed idaħħal din l-infrastruttura minn Sa Maison għall-Belt Valletta u t-terminal tal-passiġġieri fil-Port il-Kbir u b’rotta li tgħaddi wkoll mill-Blata l-Bajda, dan ifisser tliet kilometri ġodda għal mobbiltà attiva.
Ta’ min isemmi li dan il-proġett qed isir minn Infrastructure Malta b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva ‘Rota’, bil-għan li din l-infrastruttura tipprovdi l-akbar benefiċċju għall-komunità.