Fl-2020, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku ħarġet 124 taħrika u ċitazzjoni fil-konfront ta’ vetturi li jdaħħnu.
Din l-informazzjoni ħarġet waqt mistoqsija parlamentari li saret lill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.
Dwar dan, ONE News tkellem mas-Surġent Brian Cremona mit-Taqsima tat-Traffiku hekk kif spjega ċ-ċifri ta’ ċitazzjonijiet ta’ dawn it-tip, mill-2013 lil hawn.
Is-Surġent Cremona spjega: “Is-sena l-oħra, l-2020 kellna 124 karozza mwaqqfa u mħarrka fuq duħħan eċċessiv. L-istatistika turi li mill-2013 sal-2017 kienet f’dak l-ilma, 127, 124, fl-2017, 2018, u l-2019 din naqset ftit għal fuq is-70, 80, 90 taħrika mbagħad reġgħet żdiedet fl-2020.”
Iċ-ċifri jindikaw kif fl-aħħar 7 snin ingħataw aktar minn min 900 ċitazzjoni għal vetturi li jħammġu.
Is-Surġent Cremona spjega wkoll x’jiddetermina li titwaqqaf vettura u tingħata din it-taħrika.
Huwa sostna: “Biex tħarrek vettura fuq duħħan eċċessiv huwa kollox il-viżwal. Jekk qed tara vettura li qed tinstaq u jkun ħiereġ duħħan eċċessiv. Kulħadd kapaċi jara karozza li ddaħħan ħafna għal karozza ma ddaħħan xejn jiġifieri joħroġ duħħan jew tip ta’ xrar minn wara li normalment ma joħroġx.”
Cremona saħaq ukoll kif il-Pulizija ma jiħdux inkonsiderazzjoni kemm hija antika l-karozza.
Is-Surġent Cremona sostna: “Il-vetturi jsirilhom il-VRT jiġifieri suppost dwan l-affarijiet ma jkunux qed isiru fit-toroq però bniedem li jara li l-vettura qed tagħmel xi ħaġa li mhux normali għalih għandu jieħu responsabbiltà u joħodha għand xi ħadd professjonali u jiċċekkjaha.”
Persuna tista’ tirrapporta vettura li qed tħammeġ ħafna billi tibgħat SMS fuq in-numru 50611899.