Il-Fond Monetarju Internazjonali qal li l-policies, li ġew implimentati mill-Gvern Laburista mill-2014 ’il quddiem, fosthom il-miżura taċ-childcare b’xejn, kienu effettivi għaż-żieda tal-impjiegi fost in-nisa u wasslu għal żieda fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
L-istudju, parti mir-rapport annwali tal-istituzzjoni rinomata internazzjonalment, juri li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tant tjiebet b’mod sinifikanti li pajjiżna għandu rata aqwa mill-medja Ewropea.
Għall-ewwel darba, Malta qabżet il-medja Ewropea proprju matul il-pandemija tal-COVID-19, fi żmien li wkoll ġew introdotti miżuri bla preċedent biex ma jintilfux l-impjiegi waqt li kellhom jiġu imposti restrizzjonijiet fuq diversi negozji.
Min-naħa l-oħra, l-istudju jitkellem fuq il-progress kbir fil-livell tal-edukazzjoni femminili, tant li llum aktar minn terz tan-nisa għandhom edukazzjoni terzjarja, tliet darbiet aktar minn isseħibna fl-Unjoni Ewropea.
L-Istudju żvela kif, bħalissa, hawn ħafna nisa f’karigi importanti fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika u f’karrieri eżekuttivi fis-settur privat, li wkoll jilħqu l-medja Ewropea.
Bil-maqlub, fl-2012, dan kien impossibbli li jseħħ.
Għalkemm pajjiżna għadu lura mir-rappreżentanza tan-nisa f’bordijiet fis-settur privat, din is-sitwazzjoni hi ferm aħjar milli kienet qabel l-2013. Illum hemm sitt darbiet aktar nisa f’dawn il-karigi.
L-istudju jindika li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament resqet lejn il-medja Ewropea, iżda hemm diskrepanza sostanzjali fejn jidħlu karigi ministerjali u fil-kabinett.