In-nefqa ġenerali fuq l-iżvilupp tar-riċerka f’pajjiżna mill-2010 żdied b’75%. Id-doppju taż-żieda tal-medja Ewropea.
Dan tħabbar propju waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD u li għaliha attenda l-Prim Ministru Robert Abela.
Laqgħa fejn fiha ġie ppreżentat ir-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività tal-2022.
Fil-fatt, f’preżentazzjoni li saret Dr Jonathan Spiteri li ħadem fuq dan ir-rapport spjega dak li ħareġ minn dan ir-rapport dwar il-qasam tar-riċerka f’pajjiżna.
Dr Spiteri aċċenna wkoll għal dak li ħareġ minn dan ir-rapport b’rabta mal-qasam tal-innovazzjoni f’pajjiżna.
Huwa rrimarka kif fuq scoreboard ewropea, pajjiżna jinsab qrib sew mal-medja Ewropea fuq dan ir-rigward. Sostna wkoll kif is-sejbiet ta’ dan ir-rapport juru li pajjiżna saħansitra qabeż il-medja Ewropea qabel il-pandemija.
Intant, indirizza wkoll il-laqgħa tal-MCESD, il-Professur Philip Von Brockdorff li wkoll ħadem fuq dan ir-rapport, flimkien ma’ Dr Ian Cassar.
Huwa aċċenna għar-rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib fiż-żmien li ġej f’dan il-qasam fosthom aktar innovazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol b’sempliċiment anke tibdil fil-prassi tax-xogħol u anke aktar kollaborazzjoni bejn l-akkademji u s-settur privat b’emfasi fuq l-innovazzjoni.