Mill-14 ta’ Ġunju r-residenti minn Djar ta’ Anzjani li tlaqqmu kontra l-COVID-19 se jitħallew joħorġu ma’ qraba li wkoll huma mlaqqma kontra l-virus u se jiġu ssorveljati għal xi sintomi relatati mal-Covid-19 mar-ritorn tagħhom.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega r-raba’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani, maqsuma f’fażijiet differenti.
Mill-4 ta’ Ġunju ż-żjarat fid-djar tal-azjani se jsiru bejn l-10:30 ta’ filgħodu u bejn il-5:00 u s-6:30 ta’ filgħaxja. Kull resident jista’ jżuru viżitatur wieħed kull darba u t-tul taż-żjara tkun ta’ 25 minuta.
Huma biss il-viżitaturi li tlaqqmu kompletament li jistgħu jidħlu fil-kmamar tar-residenti, u tul iż-żjarat trid tinżamm id-distanza soċjali u tintlibes maskra filwaqt li min mhux imlaqqam jibqa’ jiltaqa’ fiż-żona komuni.
Residenti mlaqqmin u li għandhom appuntament tal-outpatient fl-isptar se jiġu ssorveljati għal xi sintomi possibbli relatati ma’ Covid-19 mar-ritorn tagħhom fid-Dar. Residenti li mhumiex imlaqqma se jintalbu jsegwu ħamest ijiem kwarantina u jsirilhom test.
Residenti ġodda li jiddaħħlu fid-Djar tal-Anzjani mill-komunità u jkunu mlaqqmin, se jsirilhom test u dawk li ma jkunux imlaqqmin jibqgħu erbatax-il jum kwarantina qabel jitlaqqmu.
It-tieni fażi se tidħol fis-seħħ mit-8 ta’ Ġunju fejn iċ-ċentri ta’ matul il-jum se jibdew jilqgħu tmien anzjani u tliet ħaddiema.
Mill-14 ta’ Ġunju, residenti se jkunu jistgħu jattendu appuntamenti mediċi barra mid-Dar tal-Anzjani, akkumpanjati minn qraba li jkunu mlaqqmin.
Il-Ministru Farrugia spjega li rilaxx ta’ restrizzjonijiet qegħdin isiru wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u l-Awtorità għall-Istandards għall-Ħarsien Soċjali. Fakkar ukoll li mindu ġew rilaxxati xi miżuri ta’ żjarat fid-djar tal-anzjani, ma kien hemm l-ebda żieda jew bidla fin-numri ta’ każijiet ta’ Coronavirus.
Huwa stqarr: “B’din il-fażi ma kien hemm l-ebda impatt negattiv, issa nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss. Fażijiet li se ikunu fir-4 ta’ Ġunju, fit-8 ta’ Ġunju u fl-14 ta’ Ġunju, fejn hemm ir-residenti jridu joħorġu mal-familji tagħhom b’ċertu protokoll. ”