Mill-bidu tax-xahar id-dieħel, l-edukaturi u studenti Għawdxin li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer se jkollhom rimborż ta’ parti sostanzjali mill-prezz tal-passaġġ tal-fast ferry.
Dan permezz tal-EDU Fast Ferry Card li ħabbret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal Uliedna’, li saret fl-iskola primarja tan-Nadur.
Permezz ta’ din il-miżura ġdida se jgawdu elf u tliet mitt student u edukatur.
L-istudenti li se jgawdu minn din l-iskema jridu jkunu studenti li jattendu l-MCAST, il-Junior College jew l-Università ta’ Malta.
Ir-rimborż ser jingħata lil kull min juża il-Fast ferry, irrispettiv ma’ liema operatur jaqbad il-vjaġġ.
Il-Ministru Caruana spjegat li biex tkun eliġibbli, wieħed irid japplika online fuq applikazzjoni li ser tittella’ fuq is-sit tal-Ministeru għal-Edukazzjoni sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Novembru li ġej.
Ġie spjegat ukoll li ż-żewġ operaturi tal-Fast Ferry bejn l-Imġarr Għawdex u l-Port il-Kbir se jagħtu l-EDU Fast Ferry Card, li tkun trid tintuża meta wieħed jkun ser jagħmel użu tas-servizz.
Ir-rimborż, li se jingħata b’lura kull tliet xhur, ser jingħata għal kull vjaġġ li jsir bil-fast ferry waqt il-ġranet fejn jingħata tagħlim matul is-sena akkademika.
Il-massimu tar-rimborż se jlaħħaq il-mitejn u ħamsin ewro kull sena akkademika.
Intant il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Budget għas-sena d-dieħla se jkun qed jinvesti d-doppju fl-edukazzjoni, meta mqabbel mal-aħħar Budget ta’ Gvern Nazzjonalista.
Il-Ministru Caruana qalet kif il-Budget għas-sena li ġejja huwa ta’ ftit aktar minn seba’ mitt miljun ewro.
Qalet, “Fl-2012, in-nefqa kapitali għal kull student kienet ta’ €560, filwaqt li dik tal-2022 hija dik ta’ €1,670 għal kull student.”
Il-Ministru Justyne Caruna qalet kif bħalissa għaddej investiment bla preċident fl-infrastruttura edukattiva.
Dan hekk kif mija u ħamsin miljun ewro qed ikunu investiti fl-iskejjel f’Malta, waqt li ħamsin miljun ewro oħra qed ikunu investiti fl-iskejjel fil-gżejjer tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru Caruana qalet li dawn l-investimenti se jwasslu għal skejjel aħjar u aktar xierqa għat-tagħlim.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni semmiet kif dan il-Budget wassal għall-akbar żieda fl-istipendji, dik ta’ għaxra fil-mija, waqt li ż-żgħażagħ jistgħu jaħdmu sa ħamsa u għoxrin siegħa fil-ġimgħa flok għoxrin siegħa biex jibqgħu jirċievu stipendju.
Semmiet ukoll kif l-eżamijiet tal-O’Levels se jibdew isiru fl-iskejjel li l-istudenti jattendu fihom.
Il-Ministru Caruana qalet li ċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal kollha madwar pajjiżna se jibdew jiftħu għall-aktar sigħat, wara li beda proġett pilota f’sitt ċentri.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni semmiet ukoll kif kull Kap tal-Iskola mill-iskejjel tal-Kindergarten sas-Sekondarja se jingħata għaxart elef ewro sabiex jiġu mgħejjuna dawk it-tfal vulnerabbli bi ħtiġijiet bażiċi.