Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa, mill-1 ta’ Lulju se jerġgħu jibdew jiġu offruti s-servizzi kollha fil-komunità tal-Anzjanità u Kura fil-Komunità.
Dawn is-servizzi huma s-servizzi taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjanità Attiva, iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tad-Dimensja, in-Night Shelters u s-Silver T.
Intant, l-Aġenzija Sapport qiegħda tipprepara biex terġa’ tibda toffri dawn is-servizzi b’mod wiesa’.
Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità se jkunu qed jiftħu u jilqgħu l-klijenti fihom mill-Erbgħa 1 ta’ Lulju.
Dan is-servizz se jkun qed jingħata lil numru mnaqqas ta’ klijenti fl-istess ħin permezz ta’ skeda sabiex ma jkunx hemm numru kbir ta’ persuni ġewwa fl-istess waqt.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li se jkunu qed isiru ħarġiet fil-komunità ma’ klijenti fi gruppi żgħar ta’ mhux aktar minn sitt persuni u f’postijiet fuq barra.
Ħaddiema li għandhom kuntatt dirett mal-persuni b’diżabilità u qrabathom se jkunu attrezzati b’lbies protettiv u prodotti bħal diżinfettant.
Il-vetturi li jintużaw sabiex jingħata servizz se jkunu diżinfettati.
L-uffiċini u l-binjiet kollha minn fejn l-Aġenzija tagħti servizz se jkunu qed jitnaddfu u jiġu diżinfettati qabel dawn jerġgħu jilqgħu klijenti fihom minbarra li jsir tindif b’mod regolari.
Intant ix-xogħol tal-ħaddiem soċjali tal-Aġenzija Sapport se jkun qed isir mill-uffiċini iżda fejn hu neċessarju li jsir assessjar wiċċ imb’wiċċ jew fid-djar, dan isir b’appuntament.