Mill-bidu ta’ din is-sena li ġejja, ċekkijiet ma jistgħux jintużaw għal ammonti inqas minn €20 filwaqt li ċekkijiet ta’ aktar minn €5,000 ma jistgħux jiġu msarrfa fi flus kontanti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Bank Ċentrali ta’ Malta b’rabta ma’ Direttiva 19.
L-uffiċjal tal-Bank Ċentrali Jesmond Gatt spjega li din id-direttiva se tkompli tnaqqas ir-riskji relatati ma’ ċekkijiet u bank drafts filwaqt li tgħin tinċentiva konsumaturi jeqilbu għal servizzi elettroniċi u li huma aktar effiċjenti u traċċabbli.
Fil-fatt, Gatt spjega li dawn id-direttivi jolqtu istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji lokali, lill-Bank Ċentrali meta joffri servizzi ta’ ħlas u kif ukoll persuni fil-qasam legali.
Miżura oħra ewlenija f’dawn id-direttivi hija li ċ-ċekkijiet iridu jiġu datati bil-ġurnati li nħarrġu.
Kull ċekk jista’ jissarraf biss mill-persuna msemmija fiċ-ċekk.
Dan filwaqt li kull persuna li jirċievi ħlas minn ċekk irid jiffirma fuq wara taċ-ċekk qabel jippreżentah il-bank.
Hekk kif ċekkijiet li jaqbżu l-€5,000 ma jistgħux jiġu msarrfa fi flus kontanti, dawn se jkunu qed jiġu depożitati fil-kont tal-benefiċċjarju.
Persuni fil-qasam legali ma jistgħux isarrfu ċekkijiet jew bank drafts fl-ebda ammont.
Dawn jistgħu jiġu biss depożitati f’kont tal-bank.
Iċ-ċekkijiet se jibqgħu validi għal 6 xhur.
Multi amministrattivi se jkunu jistgħu jinħarġu mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’każ li istituzzjonijiet finanzjarji, negozji jew persuni ma jobdux ir-regoli inkorporati f’din id-direttiva.
Il-multi ma jistgħux jaqbżu l-€200 madankollu jistgħu jinħarġu separatament għal kull kontravenzjoni f’każ ta’ ksur ta’ iktar minn waħda mid-direttivi.