L-awtoritajiet imponew lockdown ta’ tlett ijiem f’partijiet fi Queensland, fosthom it-tielet l-akbar belt fl-Awstralja, Brisbane.
Inqas minn ħmistax fil-mija tal-Awstraljani huma mlaqqma kompletament kontra l-COVID-19.
Ir-restrizzjonijiet f’dan il-lockdown ifissru li n-nies ma jistgħux iħallu djarhom jekk mhux biex jixtru affarijiet essenzjali jew għal xi trattament mediku.
L-aħbar tal-lockdown fi Queensland ġiet l-għada li l-awtoritajiet bagħtu mijiet ta’ suldati fl-ikbar belt Awstraljana, Sydney, biex jinfurzaw il-lockdown t’hemmhekk.
Il-miżuri f’Sydney għandhom minn tal-inqas sal-aħħar t’Awwissu.
Il-Prim Ministru Scott Morrison qed jaffaċċja kritika kontinwa għall-mod kajman li bih qed jingħata t-tilqim.
Huwa qal li ġaladarba jkun hemm sebgħin fil-mija tal-Awstraljani mlaqqma, il-lockdowns ikunu iktar iffukati fuq ċertu partijiet tal-popolazzjoni.
Morrison qal li dan in-numru mistenni jintlaħaq sal-aħħar tas-sena.