Miljuni ta’ residenti fil-provinċja ta’ Sichuan fiċ-Ċina jinsabu bla dawl minħabba mewġa qawwija ta’ sħana li laqtet lill-pajjiż u nixfa kbira.
Fil-belt ta’ Dazhou, fejn jgħixu aktar minn ħames miljun persuna, ir-residenti qed idumu bla dawl għal perjodi ta’ madwar tliet sigħat.
Il-fabbriki fil-provinċja ġew sfurzati jwaqqfu l-produzzjoni u x-xogħol tagħhom bħala parti minn sett ta’ miżuri ta’ emerġenza li qed jittieħdu biex jerġa’ jingħata lura d-dawl lin-nies fi djarhom.
It-temperaturi f’Sichuan u provinċji ġirien qabżu l-40 gradi celcius fl-aħħar jiem.
B’riżultat ta’ dawn it-temperaturi għoljin, żdiedet ħafna d-domanda għall-elettriku minħabba l-arja kkundizzjonata fl-uffiċini u fid-djar, għaldaqstant il-kumpaniji li jissupplixxu l-elettriku jinsabu taħt pressjoni kbira.
Ix-Xmara Yangtze – li hija l-itwal xmara fil-kontinent Ażjatiku – tinsab fl-iktar livelli baxxi fl-istorja.