Bosta servizzi fi Franza qed jesperjenzaw dewmien hekk kif miljuni ta’ ħaddiema qed jheddu li jistrajkjaw f’mossa ta’ protesta xprunata mill-pjanijiet li tiżdied l-età tal-irtirar.
Ħaddiema fl-iskejjel u fis-servizzi tat-trasport mistennija jingħaqdu mal-uffiċjali tal-Pulizija, avukati, ħaddiema fl-isptarijiet u dawk fl-ajruport, fi strajk nazzjonali li qed jitqies bħala l-ikbar wieħed fi Franza f’għexieren ta’ snin.
Liema strajk ġie maqbul bejn il-unjins li jinsabu mdejqa bil-pjanijiet tal-President Emmanuel Macron dwar is-sistema tal-pensjoni fi Franza.
L-azzjoni industrijali mistennija tibqa’ għaddejja; b’uħud mir-rappreżentanti tal-unjins heddew li se jibqgħu għaddejjin bl-istrajk sakemm Macron jabbanduna l-pjanijiet li għandu għas-sistema tal-pensjoni fi Franza.
L-amministrazzjoni ta’ Marcon qed tittama li tevita sitwazzjoni simili għal dik fl-elf disa’ mija ħamsa u disgħin, meta strajk nazzjonali fi Franza, ukoll fuq riformi fil-pensjonijiet, kien kisser is-sistema tat-trasport pubbliku għal tliet ġimgħat sħaħ.