Il-lemin estrem fl-Ewropa qed jagħmel tiegħu il-kunċett ta’ Ewropa tan-nazzjonijiet waqt li miljuni ta’ Ewropej iħossuhom maqtugħin mill-Istituzzjonijiet Ewropej. Dan qalu Alfred Sant lil studenti Universitarji waqt laqgħa informali ma’ JEF MALTA, oganizzazzjoni studenteska li stidnitu jieħu sehem f’dibattitu dwar l-integrazzjoni Ewropea fl-Universita` ta’ Malta.
L-MEP Laburista qal li ħafna Ewropej iħossuhom skonnettati mill-Parlament Ewropew. Waħda mill-problemi hija li ħafna MEPs huma maqtugħin mill-ħajja ta’ kuljum u mit-tħassib tal-kostitwenti tagħhom. Ħafna kandidati Ewropej jintagħżlu mill-partiti tagħhom biex jikkontestaw fuq il-lista tal-partiti tagħhom għall-elezzjonijiet Ewropej. Dawn jintagħżlu f’sekwenza u jiġu eletti awtomatikament skont kemm il-partit jikseb siġġijiet fuq bażi proporzjonali.
“F’Malta u fl-Irlanda biss l-MEPs jiġu eletti direttament mill-elettorat.” qal Dr Sant.
L-istudenti Universitarji qalu li jixtiequ aktar responsabbilta` demokratika fl-Istituzzjonijiet Ewropej. Huma jixtiequ li l-President tal-Kummissjoni Ewropea jkun elett direttament miċ-ċittadini Ewropej. Qalu li fi ħdan JEF għandhom pożizzjoni anqas federalista minn delegazzjonijiet nazzjonali oħra u huma aktar favur integrazzjoni Ewropea fuq bażi pragmatika.
Nicola Mangion, President, Daniel Cassar, Viċi-President, Emma Vella, Segretarja Ġenerali, Ben Cassar, International Officer u Rachel Mercieca, Finance Officer kienu preżenti għal-laqgħa f’isem JEF MALTA mal-MEP Laburista.