Il-Pulizija Franċiża qed tfittex żewġ persuni wara serqa ta’ miljuni ta’ ewro f’ġojjellerija minn stabbiliment ġewwa l-lukanda Ritz f’Pariġi.
Is-serqa seħħet għall-ħabta tas-sitta u nofs tal-Erbgħa filgħaxija wara li ħames persuni daħlu armati fil-lukanda sabiex jisirqu l-istabbiliment. Minn dawn il-ħames persuni l-Pulizija Franċiża rnexxiela tarresta tnejn ftit ħin wara li seħħet is-serqa.
Il-lukanda ta’ ħames stilel tinsab fiż-żona esklussiva ta’ Place Vendôme fiċ-ċentru ta’ Pariġi. L-istess lukanda fiha numru ta’ stabbilimenti li jbiegħu prodotti esklussivi bħal djamanti u ġojjellerija oħra.
Is-sigurta ma din iż-żona ta’ Pariġi kienet żdiedet tliet snin ilu wara li seħħew numru ta’ serqiet kbar ta’ gojjelli minn numru ta’ stabbilimenti.