Miljuni ta’ familji Britanniċi qed iħejju għal aktar żminijiet diffiċli hekk kif mill-1 t’April se jibdew jiffaċċjaw żidiet ġodda fil-kontijiet tal-enerġija u għadd ta’ liċenzji. Dawn jinkludu l-elettriku, l-ilma u l-gass, taxxi fuq id-djar, il-liċenzji tal-karozzi, liċenzji tat-televiżjoni, l-internet u l-abbonamenti tal-mobiles.
B’tant affarijiet jogħlew f’daqqa u fl-istess ħin, fil-pajjiż diġà qed ilaqqmu dan ix-xahar bħala ‘Awful April’, hekk kif il-Gvern ta’ Keir Starmer qed jerġa’ jiffaċċja talbiet iddisprati u attakki biex jara kif se jirrimedja u jkun illimitat l-impatt ta’ wħud minn dawn iż-żidiet, li se jkomplu joħolqu faqar ġdid nazzjonali.
Il-kontijiet tal-enerġija huma l-akbar uġigħ ta’ ras għall-maġġoranza tal-familji u l-limitu fuq dawn, li qed ikun issettjat kull tliet xhur mir-regolatur tal-industrija Ofgem, mit-Tlieta żdied b’6.4% jew l-ekwivalenti għal 111-il lira Sterlina.
Din iż-żieda, it-tielet waħda infila, tfisser li kull familja se tkun qed tħallas madwar £600 aktar fis-sena għall-gass u l-elettriku fuq dak li kienet tħallas sa Frar tal-2022, qabel ir-Russja nvadiet lill-Ukrajna.
Madwar disa’ miljun familja, li m’għandhomx kuntratti fissi ma’ kumpaniji li jipprovdu d-dawl u l-gass, mistennija jesperjenzaw impatt immedjat fil-kontijiet tagħhom.
Dan apparti li t-taxxa fuq id-djar, il-council tax, qed tiżdied b’5% u sidien tal-vetturi, li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, iridu jħallsu £5 aktar f’taxxa tat-triq fis-sena.
Il-liċenzja annwali tat-televiżjoni wkoll se tiżdied bl-istess ammont ta’ £5 fis-sena, flimkien ma’ żidiet fil-prezzijiet tal-internet u t-telefown ċellulari fejn qed jiġu stmati żidiet ta’ bejn £22 sa £42 fis-sena.