L-Indja u l-Bangladesh huma milquta minn xita qawwija u rjieħat, hekk kif ċiklun qawwi mistenni li jolqot iż-żewġ pajjiżi fis-sigħat li ġejjin.
Il-pajjiżi diġà evakwaw miljuni ta’ persuni bħala prekawzzjoni għaċ-ċiklun li qed joqrob lejn il-pajjiżi, iżda, l-imxija tal-Coronavirus qed tagħmel l-operazzjoni ta’ salvataġġ aktar diffiċli.
Iż-żewġ pajjiżi talbu biex skejjel u binjiet oħra jiġu użati bħala xelters temporanji biex tinżamm id-distanza soċjali li tassigura s-saħħa taċ-ċittadini mill-COVID-19, hekk kif hemm bżonn ta’ aktar binjiet minn dak tas-soltu.
Uffiċjali Indjani qalu li aktar minn għoxrin tim ta’ salvataġġ qed jgħinu liċ-ċittadini jevakwaw, filwaqt li hemm timijiet oħra lesti li jgħinu f’każ ta’ bżonn.