F’Mejju li għadda kważi 285,000 turist żaru Malta għal btala. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan ifisser żieda ta’ erbgħa u sittin elf turist, meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.
L-akbar għadd ta’ turisti f’Mejju kellhom bejn il-25 u l-44 sena, u warajhom isegwu dawk li għandhom bejn il-45 u 64 sena.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li persuni mill-Italja, mir-Renju Unit u minn Franza kienu jagħmlu kważi nofs it-turisti li ġew f’dan ix-xahar imsemmi.
Meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra, l-għadd ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna tela’ b’aktar minn 24 fil-mija u kważi jlaħħaq il-miljun u seba’ mitt elf lejl.
Skont l-NSO ħareġ li n-nefqa tat-turisti f’Malta żdiedet b’aktar minn tlieta u sittin miljun ewro, meta mqabbel fuq sena qabel.
Minn din l-istatistika ħareġ ukoll li fl-ewwel ħames xhur tas-sena żaru pajjiżna kważi miljun turist.
Dan filwaqt li n-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta kien jgħodd kważi s-sitt miljun u mitejn elf.
Skont dawn iċ-ċifri ħareġ li mill-bidu tas-sena sa Mejju, in-nefqa tat-turisti f’Malta kienet ta’ aktar minn seba’ mija u ħamsin miljun ewro.