L-Istati Uniti kkonfermaw miljun każ ta’ Coronavirus. Numru ekwivalenti għal kważi terz tal-infezzjonijiet kollha madwar id-dinja.
B’aktar minn 58,000 każ fatali, bil-COVID-19 mietu aktar Amerikani minn kemm mietu fil-Gwerra Vjetnamiża.
Il-Kungress Amerikan abbanduna l-pjanijiet li jirritorna f’Washington il-ġimgħa d-dieħla, u l-President Donald Trump ħareġ ordni biex il-fabbriki li jipproċessaw il-laħam jibqgħu miftuħin, anke jekk fl-aħħar jiem kien irreġistrat numru kbir ta’ każijiet fihom.
Intant, fir-Renju Unit, il-ħaddiema u r-residenti kollha fid-djar ta’ kura se jkunu ttestjati għall-virus, kemm dawk bis-sintomi u anki oħrajn li ma juru l-ebda sintomi.
Franza se tagħmel l-ilbies tal-maskri obbligatorju fl-iskejjel u fuq it-trasport pubbliku, ġaladarba jibdew jitnaqqsu l-miżuri. Fl-istazzjonijiet diġà tqassmu man-nofs miljun maskra.
Fiċ-Ċina, minn fejn oriġina l-virus, jidher li l-infezzjoni tinsab taħt kontroll, u fil-fatt il-Parlament mistenni jerġa’ jitlaqqa’ x-xahar li ġej.
Intant, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol wissiet li madwar nofs il-ħaddiema madwar id-dinja qegħdin f’riskju li jitilfu l-għixien tagħhom minħabba l-pandemija.
In-numri li qed tbassar l-Organizzazzjoni, u anki n-Nazzjonijiet Magħquda, ilaħħqu l-biljun u ħames mitt miljun persuna.
Fl-ewwel xahar tal-pandemija, żewġ biljun ruħ diġà raw il-pagi tagħhom jonqsu b’medja ta’ 60%.