L-Aġenzija għall-Infurzar Lokali se tagħti aktar minn miljun ewro f’taħrikiet lil għoxrin Kunsill Lokali u lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, biex iwettqu proġetti ta’ fejda għall-komunità fil-lokalitajiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dan il-fond se jkun qed joħroġ tmenin fil-mija tal-ispejjeż tal-proġetti sa massimu ta’ tmenin elf ewro kull proġett.
Fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali li ntagħżlu biex iwettqu proġetti b’dawn il-fondi, ingħad li l-bord laqgħa disgħa u erbgħin sottomissjoni, u ġew magħżula wieħed u għoxrin proġett minn bord imwaqqaf mill-LESA.
Dan għażel l-aktar proġetti li jidhru li ħa jħallu l-akbar impatt fis-soċjetà. Dawn ivarjaw minn proġetti ambjentali għal oħrajn ta’ wirt kulturali u s-sigurtà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores innota kif l-għan tal-aġenzija huwa li tgħin liċ-ċittadin.
“Il-ħsieb huwa li l-aġenzija qiegħda hemmhekk biex tgħin proprju liċ-ċittadin u allura minn dawk il-flus li jiġu ġġenerati mit-taħrikiet li jingħata l-poplu waqt il-ġranet ta’ kuljum, dak li jibqa’ minnhom bħala profitti jerġgħu jmorru proprju lura u jiġu nvestiti fil-komunitajiet tagħna.”
Is-sindku ta’ Ħal Tarxien qal li b’dawn il-fondi se jiġi rriġenerat Ġnien Joanne.
“Il-proposta tagħna kienet li ser jinbidlu l-fanali u jkunu LEDs, uplights fuq is-siġar, struttura kbira tal-injam mżejna bi fjuri u bi dwal u affarijiet oħra.”
Is-sindku tal-Ħamrun qal li l-fondi se jintefqu għal aktar sigurtà fil-lokalità.
“Apparti ma’ Triq il-Kbira San Ġużepp ser inkunu qegħdin ukoll ikollna kameras mat-toroq sekondarji tagħha ħalli noffru aktar sigurtà lir-residenti tagħna.”
Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri qal kif issa li l-proġetti intagħżlu, se jitwettqu.
“Għamilna ftehim mal-Kunsilli Lokali, resqu ‘l quddiem huma stess b’diversi proġetti u illum, issa ser nibdew inwettqu dawk il-proġetti ma’ dawk il-Kunsilli Lokali.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal li b’dan il-mod, parti mill-flus imħallsa mir-residenti f’taħrikiet, qed jiġu investiti lura fil-komunitajiet.