L-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, l-LESA għaddiet miljun ewro f’fondi lill-Kunsill Lokali sabiex isiru proġetti fil-komunità. Dan tħabbar f’konferenza stampa l-Ħamis filgħodu fl-Imtrafa, waħda mill-20 lokalità li se tkun qed twettaq proġett ta’ tisbiħ.
Dan huwa t-tielet grupp ta’ Kunsilli Lokali li l-Aġenzija LESA qed tati fondi, li jkunu ġejjin minn ċitazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet.
Il-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri qal li mhux l-interess tal-LESA li jsiru l-profitti mit-taħrikiet, u għalhekk l-aġenzija qed trodd lura miljun ewro biex jintefqu f’20 proġett f’20 lokalità madwar Malta u Għawdex.
Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, sabiex isiru proġetti marbuta mas-sigurtà fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-flus miċ-ċitazzjonijiet qed jerġgħu jiġu investiti fil-komunità fi proġetti mressqa ’l quddiem mill-kunsilli lokali stess; proġetti li jtejbu l-ħajja tar-residenti.
Semmiet ukoll numru ta’ proġetti oħra li qed isiru mill-KL u rrimarkat dwar l-iskeda komuni għall-ġbir tal-iskart.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, qal fi tliet snin se jkunu saru b’kollox 60 proġetti, dan l-investiment qed isir b’ħidma mal-kunsilli lokali, b’rabta ma ħames temi li huma:
- Ambjent aħjar
- Trasport alternattiv
- Infrastruttura aktar moderna
- Lokalitajiet aktar siguri
- Ħarsien tal-Wirt kulturali
Il-Ministru Byron Camilleri beda l-konferenza tal-aħbarijiet billi sellem il-memorja tal-Eks Segretarju Parlamentari u Deputat Laburista Silvio Parnis, li fil-leġiżlatura ta’ qabel din kien responsabbli mil-LESA u anke l-Kunsilli Lokali. Huwa faħħar ix-xogħol li kien għamel sabiex ikun hemm sinerġija bejn l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali u l-komunità.