Tletin Kunsilli Lokali ngħataw għajnuna finanzjarja biex iwettqu diversi proġetti.
Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo ħabbar miljun ewro f’ investiment għall-proġetti kapitali fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex.
Dawn il-Kunsilli Lokali kienu ssottomettew pjanijiet għall proġetti li jixtiequ jwettqu. Fost il-proġetti li ser jsiru hemm bandli ġodda u l-bini ta’ centri amministrattivi ġodda fil-Qrendi, l-Fgura u Marsaskala. Se jsir ukoll resurfacing ta’ toroq, jinbnew ta’ konvjenzi pubblici ġodda u jissebħu ġonna u spazji miftuha eżistenti.
Is-Segretarju Parlamentari wera sodisfazzjon għall interess li wrew il-Kunsilli Lokali sabiex harġu bi proġetti li huma ta’ bżonn fil-lokalitajiet tagħhom.
Żied jgħid li dan il-finanzjament huwa turija ċara tal-impenn ta’ dan il-gvern biex idaħħal kultura ta’ pjanar serju, fejn il-Kunsilli Lokali qed jiġu mħeġġa jkomplu jwettqu proġetti kapitali bħal dawn fl-interess taċ-ċittadini tagħna.
Fil-laqgħa li saret għas-sindki u s-segretarji eżekuttivi gewwa l-Każin Malti, tkellem wkoll Adrian Mifsud Direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Huwa qal li dan il-finanzjament ser jkompli s-sena d-dieħla fejn il-Kunsilli Lokali ser jingħataw aktar fondi għall istess proġetti u ser jkun hemm aktar Kunsilli Lokali li ser jibbenefikaw.