Tmienja u għoxrin proġett ieħor ngħataw bejniethom total ta’ mitejn u sittax-il elf ewro sabiex jinħoloq investiment ġdid fir-riżorsi u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna marbuta mal-festi ta’ pajjiżna.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici, hekk kif tħabbru r-riżultati għat-tieni fażi tal-iskema tal-Wirt Artistiku.
L-ewwel fażi tal-iskema rat total ta’ €850,000 mogħtija f’fondi b’risq il-festi f’Malta. B’hekk l-ammont ta’ għajnuna għall-festi din is-sena qabżet il-miljun ewro favur il-festi lokali, fejn b’kollox gawdew aktar minn mija u għaxar għaqdiet f’sena waħda.
F’diskors, il-Ministru Bonnici sostna li matul is-snin, pajjiżna ra żieda f’investiment tal-Gvern fil-qasam kreattiv, li hu mmexxi mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-inklussività, li jiffurmaw il-bażi tal-arti.
Qal, “Din is-sena b’kollox inkunu tajna aktar minn miljun ewro għall-festi Maltin fejn qed nagħtu iktar minn miljun ewro lil kulħadd. L-entitajiet kollha marbuta mal-festa, minn diversi postijiet f’Malta u Għawdex kollha gawdew minn għajnuna sabiex il-festi ikomplu jittelgħu. Li hemm sabiħ huwa li aħna ħadna parir minn dawk li jaħdmu fil-festi, biex l-iskema noħorġuha darbtejn. Kemm huma sbieħ il -festi tagħna, qed nagħtu din l-għajnuna tagħna li hija rekord li qatt ta l-Gvern Malti.”