B’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Infrastruttura u s-Segretarjat għall-anzjanità attiva għaddej proġett Infrastrutturali ta’ madwar miljun ewro fit-toroq ta’ madwar l-isptar San Vinċenz De Paul.
Dan il-proġett jinkludi livellar u asfaltar tal-parkeġġ b’attenzjoni partikolari għall-qlib tal-ilma.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz, Dr Josianne Cutajar stqarret kif dan ix-xogħol infratrutturali se jħalli riżultat ta’ toroq aħjar fost oħrajn, filwaqt li se jiġi faċilitat aħjar ix-xogħol fuq il-proġett ta’ estensjoni li għaddej f’din ir-residenza
Hi spjegat: “Kien għalekk importanti ħafna li issa nħarsu lejn dawn it-toroq u nidħlu f’dan il-proġett fejn it-toroq tal-madwar ta’ San Vincenz flimkien mal-parkeġġi se jingħataw il-manutenzjoni li għandhom bżonn bi proġett li qed isir b’kollaborazzjoni kemm mas-segretarjat għall-anzjanità attiva wkoll mal-infrastruttura Malta.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-Gvern qed jinvesti f’livell tal-għajxien aħjar għall-anzjani tagħna, investiment li jmur id f’id mal-impenn li l-Gvern wera biex jara titjib kostanti fl-istandards ta’ din il-binja u l-faċilitajiet għar-residenti.
Huwa sostna: “Naraw li l-infrastruttura ġewwa San Vincenz tkun waħda li tixraq, tkun waħda li tixraq għar-residenti ta’ din il-komunità u anke għall-familjari u dawk kollha li jkollhom bżonn jżuru dan il-post. B’investiment ta’ madwar miljun ewro fil-fatt se nkunu qed nagħmlu numru ta’ toroq, lqugħ tal-ilma, u anke żoni ta’ parkeġġi illi jtejbu l-infrastruttura u d-dehra tal-madwar.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis qal li dan l-investiment, flimkien ma’ numru ta’ proġetti oħra bħall-estensjoni l-ġdida u l-binja Narċiż f’San Vinċenz De Paul huma riflessjoni ta’ kemm dan il-gvern jemmen li l-anzjani jistħoqilhom kwalità ta’ ħajja tal-ogħla livell.
Huwa qal: “Se nkunu qed niftħu fi ftit tal-ġranet oħra il-wing il-ġdida li se tkun qed tilqa’ mal-500 anzjan, issa ukoll b’miljun ewro investiment flimkien mal-Ministru tal-infrastruttura ser nkunu qegħdin nirranġaw it-toroq u l-parkeġġi biex ikunu post ta’ rikreazzjoni għall-anzjani tagħna.”