Il-Gvern se jkun ta’ spalla għar-raħħala li jaħdmu fis-settur tal-ħalib u se tkun qed tingħata għajnuna li tammonta għal miljun ewro. Dan is-settur kien speċjalment milqut mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija. Dan minħabba li dawn ir-raħħala xorta baqgħu jitimgħu lill-annimali tagħhom anke jekk id-domanda tal-ħalib frisk Malti naqset drastikament anki minħabba inqas influss ta’ turisti f’pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo saħaq li huwa d-dmir u d-dover tal-Gvern li jisma’ anke meta jrid ikun ta’ għajnuna. Għalhekk, spjega l-Ministru, kienet ir-responsabbiltà tal-Gvern li jkun ta’ għajnuna lil dan is-settur, li hu s-sors tal-ħalib frisk kollu f’pajjiżna.
Il-Ministru Anton Refalo qal, “Aħna Gvern li ndawru l-isfidi f’opportunitajiet. Naħseb li bil-mod kif miexjin f’dan is-settur tal-biedja u tas-sajd, qegħdin nuru li aħna lkoll flimkien spalla ma’ spalla ma’ dan is-settur.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi saħaq li kieku r-raħħala ma sabux għajnuna min-naħa tal-Gvern kien ikollhom joqtlu lill-merħla tagħhom, u wara li tgħaddi l-pandemija jkollhom jerġgħu jibnu l-intrapriżi tagħhom mill-bidu.
Il-Ministru Clyde Caruana stqarr, “Min-naħa tagħna wkoll għinnihom sabiex ikunu jistgħu jissussidjaw il-prezz tagħhom sabiex tkun possibbli li jbiegħu l-prodotti tagħhom. B’hekk b’għajnuna ta’ miljun ewro għamilnieha possibbli sabiex ir-raħħala tagħna ma jitilfux il-merħliet tagħhom.”