L-ewwel belt kapitali Maltija, l-Imdina se tgawdi minn investiment fi proġett ta’ illuminazzjoni.
Se jiġu nstallati sistemi ta’ dwal barra binjiet importanti, fosthom il-Katidral tal-Mdina, il-bibien prinċipali u Pallazzo Vilhena.
Imbagħad il-proġett mistenni jidħol fit-tieni fażi meta jinbidlu d-dwal fil-belt stess mgħammra b’teknoloġija moderna li se tnaqqas it-tniġġiż iġġenerat mid-dawl.
Fl-aħħar tal-proċess se jinbidel id-dawl mal-fortifikazzjoniet tal-belt u Ġnien Howard.
Dan kollu se jsir b’investiment ta’ miljun ewro, u huwa parti minn kullana ta’ proġetti li jlaħħqu t-tliet miljun ewro f’siti differenti.
Is-sindku tal-Imdina laqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett li jikkumplimenta restawr ieħor li sar fil-passat.
Qal, “Ftit snin ilu sar ir-restawr tas-swar u din kienet iċ-cherry on the cake. Issa importanti li jkun well-displayed bil-floodlights li se jsiru, looking forward li l-proġett isir.”
Id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet bejn il-Ministeru għall-Infrastruttura u s-Segretarjat għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet hekk kif il-fondi għal dan il-proġett ġejjin mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.
Il-Ministru Ian Borg tenna kif b’dan il-proġett, se jkun qed jingħata ġieħ lil din il-belt storika, u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, Alex Muscat innota kif dan huwa eżempju ieħor tal-mod li l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali qed jissarraf f’ġid fil-komunità.
Spjega, “Dan huwa proġett minn kullana ta’ proġetti oħra fejn ser ninvestu b’kollox madwar tliet miljuni sabiex siti ta’ importanza nazzjonali bħalma hi l-Imdina, inkunu qed napprezzawha anki bil-lejl u qed nippruvaw li f’temp ta’ ftit xhur, dan il-proġett ikun implimentat biex kemm jista’ jkun malajr, il-poplu Malti u l-komunità tagħna tibda tapprezza l-Imdina mixgħula kif tassew jixirqilha.”