Hekk kif ġie fi tmiemu l-perjodu festiv f’Għawdex bil-wasla tat-tliet slaten maġi, jirriżulta li din is-sena dan il-perjodu kien wieħed tajjeb għan-negozju fil-gżira Għawdxija.
Skont statistika pożittiva mill-Gozo Channel, jirriżulta li matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017 sas-7 ta’ Jannar 2018, qasmu b’kollox 464,837 passiġġier u 141,349 vettura kkumparat ma’ 438,001 passiġġier u 135,921 vettura li qasmu l-fliegu f’dan l-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 6% fil-passiġġieri u żieda ta’ 4% fil-vetturi li qasmu bejn iż-żewg gżejjer. L-aktar ġurnata li fiha qasmu passiġġieri u vetturi kienet it-Tlieta, 26 ta’ Diċembru 2017 meta qasmu b’kollox 22,586 passiġġier u 5,517 vettura. Dan l-influss ta’ turisti Maltin u barranin għen ħafna biex id-diversi stabbilimenti turistiċi Għawdxin kellhom xogħol tajjeb. Dan kien ikkonfermat ukoll mid-diversi sidien tan-negozju li ltaqgħu mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt li kienet qed iżżur xi ħwienet.
Dan l-influss qawwi ta’ Maltin u ta’ turisti lejn Għawdex kien dovut għal ħafna fatturi, fosthom id-diversi attivitajiet marbuta mal-Milied miġburin taħt il-programm ‘Milied f’Għawdex’. Fost id-diversi attivitajiet li ġibdu dan it-turiżmu intern lejn Għawdex kien il-programm estensiv li nfirex tul il-perjodu ta’ Novembru sa Jannar u li inkluda fih ‘Betlehem f’Għajnsielem’, id-diversi presepji ħajjin oħrajn fin-Nadur u fix-Xagħra, kunċerti mużikali u korali tal-Milied, numru impressjonanti ta’ presepji għall-wiri madwar Għawdex kif ukoll l-attrazzjoni unika ta’ Villa Rundle.
Dan l-andament pożittiv jikkonferma l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex biex Għawdex isir attrazzjoni unika u partikolari b’dan l-investiment meħtieġ fuq it-talent u l-potenzjal lokali. Is-sidien tal-istabbilimenti u tar-restoranti kienu sodisfatti bl-influss ta’ persuni f’dan il-perjodu u faħħru l-mod strutturat u maħsub ta’ kif ġie maħdum il-programm min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex.