Bħal kull sena, ‘Milied fil-Pjazza’ tiftaħ l-istaġun festiv f’Birżebbuġa b’attività mfittxija ferm li tgħaqqad il-lokal u lil dawk kollha li jżuru dan ir-raħal f’dawk il-ġranet.
Kull l-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Diċembru, voluntieri mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa jorganizzaw din l-attività fuq iz-zuntier u l-pjazza tal-Knisja u l-madwar. Il-pjazza se tkun armata b’bankarelli b’rigali, b’xogħol artiġġjanali, pjanti, ikel, xorb tradizzjonali tal-Milied u ħafna affarijiet oħra. Se jkun hemm ukoll photoboot mal-Father Christmas u żona apposta għat-tfal, fosthom workshops ta’ kif jinħadmu l-pasturi.
Ma jonqosx il-presepju ħaj li se jkun qiegħed janima l-ġrajja tal-Milied. Is-serati se jkunu mżewqa b’diversi talenti, fosthom permezz tal-kantanti lokali. Il-Ħadd filgħodu se ssir il-fun run għal kulħadd u, għall-ewwel darba, għat-tfal se jittella’ l-‘Afternoon Tea with Santa’.
Sa mill-2016, ta’ kull sena, f’‘Milied fil-Pjazza’ jintlaħaq rekord nazzjonali u din is-sena mhux b’inqas.
Christine Francalanza, li hi waħda mill-voluntieri ħabrieka mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, tkellmet ma’ ONE News dwar il-ħsieb wara r-rekord nazzjonali għal din is-sena.
“Din is-sena ddeċidejna li nagħmlu proġett komunitarju, jiġifieri flok żejnu l-pjazza tal-armar, żejjinha kollha kemm aħna. Għamilna sejħa għall-voluntieri, kellna konkorrenza tajba u ħdimna dawn iż-żugragi tar-riħ li qed taraw bil-ganċ. Dawn huma kollha bl-idejn, minnhom ridna nagħmlu elf u għamilna elfejn, mitejn u fuqhom u pparteċipaw 115-il persuna biex saru dawn iż-żugragi tar-riħ.”
F’kelmtejn magħna, il-Kappillan Dun Rueben Micallef qal li, f’din l-attività, jispikkaw tant il-volontarjat u l-għaqda, fost oħrajn.
“Is-sens hu l-għaqda fil-komunità, nies minn diversi strati tas-soċjetà ġew jagħtu s-sehem tagħhom, minn anzjani sa tfal, li ħoloq is-sens sabiħ għall-ewwel Ħadd tal-Avvent li proprju ħa nibdew dan il-weekend li ġej.”